Melvin Farrugia | 10:15 | 25.10.2012
Filwaqt li Alternattiva Demokratika (AD) temmen li l-ewwel prijorità għandha dejjem tingħata lit-tfal, min-naħa l-oħra qiegħda ssostni li fir-rigward tal-adozzjoni l-liġi hi waħda diskriminatorja mal-koppji LGBT hekk kif dawn ma jistgħux bħala koppja iżda bħala persuni ‘single’ biss.
Hekk stqarr f’konferenza tal-aħbarijiet iċ-Ċerpersin ta’ AD, Michael Briguglio li qal ukoll li Alternattiva Demokrtaika tinsab ferm diżappuntata biż-żewġ partiti politiċi l-oħra li jikkritikaw ħafna lil xulxin iżda fis-sustanza dak li jgħidu jwassal għall-istess messaġġ li joffru biss koabitazzjoni lill-koppji LGBT.
Qal ukoll li ħadd mill-partiti politiċi ħlief Alternattiva Demokratika mhu qed ikun ċar u joffri lil dawn il-koppji d-dritt taż-żwieġ. Fiehem ukoll li hemm bosta pajjiżi li joffru dan id-dritt u semma kif kemm il-President Amerikan Barack Obama u anke l-Prim Ministru Ingliż David Cameron ukoll jaqblu ma’ dan id-dritt. Briguglio qal li fil-Parlament Malti ħadd mhu favur dan id-dritt u dan iwassal għal diskriminazzjoni mal-komunità LGBT.
Rigward l-IVF, iċ-ċerpersin ta’ Alternattiva Demokratika qal li anke f’dan ir-rigward huma għandhom messaġġ ċar u tond li għandu jkun hemm dritt għall-aċċess għal kulħadd.
Briguglio temm id-diskors tiegħu billi qal li Alternattiva Demokratika hi ċara dwar il-politika tagħha li jemmnu f’ugwaljanza totali.
Intant, tkellmet ukoll il-kelliema ta’ Alternattiva Demokratika għall-Politika Soċjali u Drittijiet Ċivili, Angele Deguara li qalet li f’diversi oqsma l-persuni LGBT għadhom diskriminati. Tenniet li AD hi ċara ħafna dwar il-politika tagħha u temmen li fir-rigward tal-proċess tal-IVF, meta persuna jkollha bżonn il-kura tal-fertilità din għandha tingħata t-trattament mingħajr ma tkun diskriminata fuq il-bażi tal-orjentazzjoni sesswali tagħha.
No comments:
Post a Comment