Tuesday, 30 October 2012

iNews Malta: Għotja ta' sperma tirranġah għall-frisk

http://www.inewsmalta.com/dart/20121029-otja-ta-sperma-tirran-ah-all-frisk
08:12 | 30.10.2012


Mark Langridge, persuna gay, ma xtaqx ikollu tfal, imma l-ħbieb tiegħu leżbjani iva. Għalhekk iddeċida li jagħti b'donazzjoni l-isperma tiegħu. Imma issa li l-koppja leżbika ma baqgħux flimkien u l-omm qed tfittex il-manteniment mingħand id-donatur.

B'hekk wara 13-il sena “l-ġest nobbli” li darba għamel issa qiegħed jiġri warajh. Fil-fatt skont dak li rappurtat il-mailonline Langridge rċieva ittra uffiċjali minn Aġenzija Ingliża favur il-Ħarsien tat-Tfal li tgħid li jrid jagħti l-manteniment tat-tfal.

Langridge ilu ma jkellem lill-familja li kien stumentali biex inħolqot sa mill-2004.

Hu għandu 47 sena u jgħix f'Essex l-Ingilterra, mhux imniżżel fiċ-ċertifikat tat-twelid taż-żewġt itfal u ma lagħab l-ebda rwol fit-trobbija ta' uliedu, imma l-Aġenzija favur il-ħarsien tat-tfal qed tinsisti li hu għandu jħallas £26 fil-ġimgħa bħala manteniment.

Langridge li għandu 47 sena qal li mhux se jkun jaffordja jħallas dan il-manteniment li sakemm it-tfal ikunu adulti se jlaħħaq it-£8,000. Huwa ilu f'relazzjoni mas-sieħeb tiegħu Shaun Keeble ta' 37 sena għal 17-il sena.

“Jien u Shaun qatt ma konna interessati li jkollna t-tfal tagħna. Meta kien hemm l-idea li nagħtu l-isperma ħsibna li tkun “ġest nobbli” li ngħinu koppja jibnu familja. Imma l-aħħar ftit xhur kienu tal-biża',” qal Langridge.

“Qed inħossni li jien vittma f'dan il-kumplott li kompliċi fih hemm anke l-istat. Jien għamilt biss ġest nobbli u issa rrid inħallas qares tiegħu,” kompla Langridge.

Mark u Shaun kienu ltaqgħu ma koppja leżbjani f'disco fl-1997 u saru ħbieb kbar. Meta waħda min-nisa uriet ix-xewqa li ssir omm, Langridge qabel li jgħin basta ma jkollu l-ebda responsabbiltà fit-trobbija tagħhom. “Ma tlabtx biex nagħmel dan il-ftehim b'mod legali u llum naħseb li dak kien l-iżball li għamilt,” kompla.

Lejn l-aħħar tal-1998 kienet twieldet tifla, wara Langridge reġa' kien mitlub jerġa' jagħti aktar sperma u tifla oħra twieldet fl-2000. Meta t-tfal kienu għadhom żgħar, Mark u Shaun kienu baqgħu ħbieb mal-“ġenituri” u kien jara lit-tfal f'avvenimenti soċjali.

Hu qal li kien sorpriż meta kien introdott bħala missierhom u wara qal lit-tfal biex jgħidu lill-ommhom tispjegalhom il-fatti li waslu għat-twelid tagħhom. Iż-żewġ koppji eventwalment qattgħu l-kuntatti u ħlief għal xi ittra okkażjonali ma reġax sema' b'aħbarhom.

Fis-snin ta' wara l-koppja leżbika sseparat, u b'hekk l-omm bijoloġika żammet iż-żewġ ulied. Minn dak iż-żmien bdiet titlob għall-benefiċċji mill-istat. L-eks partner tal-omm baqgħet toqgħod viċin il-familja u fi tmiem il-ġimgħa tara lit-tfal, imma ma ntalbet tħallas l-ebda manteniment. Langridge qal li hu kien assugura ruħu li l-familja għandha fondi biżżejjed biex irabbu t-tfal qabel ta d-donazzjonijiet li daħluh f'tant inkwiet.

L-Aġenzija dwar il-Ħarsien tat-Tfal qalet li kieku Langridge għamel donazzjoni tal-isperma f'ċentru apposta ma kienx ikollu jagħti manteniment imma arranġamenti informali mhumiex protetti bil-liġi. L-uniku mod li Langridge jista' jipprotesta kontra l-Aġenzija hi billi jiftaħ kawża l-qorti li tista' tlaħħaq spejjeż sa £60,000.

No comments:

Post a Comment