Saturday 5 June 2010

DOI: Diskors tal-Ministru tal-Edukazzjoni, Onor. Dolores Cristina

Department of Information; Government of Malta– 04.06.2010; NO 1040

DISKORS MILL-ONOR DOLORES CRISTINA MINISTRU TAL-EDUKAZZJONI, XOGĦOL U L-FAMILJA FIL-KONFERENZA ANNWALI TAL-KUMMISSJONI NAZZJONALI GĦALL-PROMOZZJONI TAL-UGWALJANZA – SLIEMA – IL-GIMGĦA 4 TA’ GUNJU 2010

L-Ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa hi dritt fundamentali, valur ewlieni, u kundizzjoni meħtieġa għall-kisba tal-miri ta’ pajjiżna li jkollna tkabbir ekonomiku, żjieda fl-impjiegi u li naslu biex fil-pajjiż ikollna koeżjoni soċjali. Għalkemm l-inugwaljanzi għadhom jeżistu, għamilna progress sinifikanti tul is-snin fil-kisba tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel. Dan l-aktar grazzi għal-leġislazzjoni dwar it-trattament ugwali, il-gender mainstreaming u l-miżuri speċifiċi mmirati biex inpoġġu lill-mara u r-raġel fuq l-istess livell.

Il-progress li għamilna f’dan il-qasam jista’ jitkejjel:

• Ir-rata ta’ nisa jaħdmu qed tiżdied għalkemm għadha ferm inqas minn tal-irġiel;
• In-nisa jirrappreżentaw maġġoranza ta’ studenti u gradwati tal-universita`;
• In-nisa jkomplu jaqilgħu inqas mill-irġiel ta’ kull siegħa li jaħdmu u din il-figura tibqa’ stabbli;
• In-nisa għad m’humiex rappreżentanti biżżejjed f’pożizzjonijiet ta’ teħid ta’ deċiżjoni fl-oqsma tal-ekonomija u l-politika, għalkemm sehemhom żdied tul l-aħħar 10snin;
• It-tqassim tar-responsabbilta’ tal-familja għadu mhux ugwali bejn in-nisa u l-irġiel;
• Ir-riskju ta’ faqar huwa iktar għoli għan-nisa milli għall-irġiel.

Il-prinċipji ta’ ugwaljanza huma prioritajiet għall-Gvern għax iħarsu d-dinjita` tal-individwu, u jipproteġu s-socjeta’ minn tfixkil u abbuż. Nagħrfu li għad fadal ħafna xi jsir f’dan il-qasam iżda konxji li llum il-ġurnata l-iskuża li xi ħadd ma jafx xi tfisser ugwaljanza m’għadhiex valida. Kull persuna għandha responsabbilta’ li tħares u tirrispetta d-drittjiet tal-individwi u li ma tagħmilx xkiel għall-iżvilupp tagħhom.

Il-miżuri u l-inizjattivi li qed nieħdu biex ir-rata ta’ parteċipazzjoni tan-nisa fil-qasam tal-edukazzjoni u tax-xogħol tikber qed iħallu r-riżultati. Madankollu hemm bżonn isir iżjed biex din il-parteċipazzjoni tkompli tiżdied.

Ir-rwol tal-Kummissjoni għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza kiber matul l-aħħar snin biex jinkorpora wkoll id-dimensjoni tar-razza. Illum il-ġurnata, huwa ferm importanti li nies li ġejjin minn pajjiżi differenti ikunu protetti kull fejn ikunu.

Nafu li għad hawn ħafna preġudizzji u ideat żbaljati dwar nies li ġejjin minn pajjiżi differenti, speċjalment jekk dawn ikollhom kulur tal-ġilda differenti minn tagħna. Dan mhux aċċettabbli. F’soċjeta demokratika hu essenzjali li kull wieħed u waħda minnha napprezzaw id-diversità tal-individwi u l-kulturi differenti tagħhom u nitgħallmu minnhom.

Dan mhux każ ta’ aċċettazzjoni jew tolleranza. Jekk nagħmlu hekk inkunu qed nonqsu lil dawn in-nies u nqisuhom bħala inferjuri għalina jew aħna superjuri għalihom. Is-soċjeta’ hi fid-dmir li tintegra lil kull persuna fi ħdanha rrispettivament tal-karatteristiċi li jfassluha. Għaldaqstant, il-Kummissjoni, flimkien ma’ entitajiet oħra, huma fid-dmir li jfasslu pjan ta’ ħidma li jagħti vuċi vera lil dawk kollha li għal xi raġuni jew oħra jħossuhom diskriminati.

Il-lum nixtieq nagħti direzzjoni biex inwessgħu l-iskop tal-ħidma tal-Kummissjoni. Nixtieq li fix-xhur li ġejjin, il-Kummissjoni għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza, filwaqt li tibqa’ taħdem favur l-ugwaljanza bejn is-sessi u r-razzez, tibda’ tħares ukoll lejn ugwaljanza mill-aspett tal-eta’, reliġjon u l-orjentazzjoni sesswali. Sfortunatment inħoss li f’pajjiżna nies ta’ reliġjon differenti u kultant anke nies ta’ ċerta eta’ jew dawk li għandhom orjentazzjoni sesswali partikolari, iħossuhom esklużi u emarġinati.

Kultant tħoss li hawn min irid ikun nisrani aktar mill-Papa għax filwaqt li l-Kap tal-Knisja Kattolika jħeġġeġ u jieħu sehem f’laqgħat ekumeniċi bejn parteċipanti ta’ reliġjonijiet differenti, għad hawn min għax persuna hi ta’ fidi musulmani, hinduista, buddista jew reliġjon oħra, qishom nies b’mard li jittieħed.

Jekk wieħed iħares ftit lejn il-lista’ ta’ dawk ifittxu x-xogħol isib li l-akbar kategorija hi ta’ dawk fl-eta’ bejn 45 u 55 sena. Nies li fadlilhom 20 jew 10 snin ta’ xogħol quddiemhom isibuha diffiċli li jsibu mpjieg minħabba l-età tagħhom. Hawn ukoll hemm bżonn ta’ sensibiliżazzjoni biex dawn il-ħaddiema jitqiesu li għandhom x’joffru lill-pajjiż daqs oħrajn ta’ eta’ iżgħar minnhom. Lejn dawn ukoll il-Kummissjoni tal-Ugwaljanza għandha sehem x’tagħti.

L-istess Kummissjoni għandha taħdem ukoll biex persuni li għandhom orjentazzjonijiet sesswali differenti ma jibqgħux jiġu mwarrba u emarġinati, imma jkunu integrati fis-soċjeta’ għaliex għandhom ħiliet u kwalitajiet kif ukoll drittijiet ugwali daqs persuni oħra.

Qegħdin fis-Sena Ewropea dedikata għall-Ġlieda kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali. Din il-ġlieda ma għandniex nagħmluha matul din is-sena biss, iżda kontinwament għadna nfittxu li nipproteġu lil dawk kollha li jħossu li huma vulnerabbli fis-soċjeta’. Hu dmir tagħna li noħolqu ambjent fejn kulħadd iħoss li għandu ċans jirnexxi fis-soċjeta’ għax ilkoll nitilqu mill-istess punt tat-tluq mingħajr vantaġġi jew żvantaġġi fuq ħaddieħor. Irridu lkoll naħdmu u niġbdu ħabel wieħed biex ikollna soċjeta’ li verament tgħożż il-parteċipazzjoni attiva, l-ugwaljanza u d-diversità.

Soċjeta’ pluralistika tirrekjedi impenn serju biex kliem bħal ‘empowerment’, ma jibqgħux biss ‘buzz words’ imma jingħata sinjifikat veru u jitpoġġa fil-prattika, fejn l-individwu jingħata ċ-ċans li jiżviluppa l-potenzjal u l-kapaċitajiet tiegħu mingħajr preġudizzji jew ostakli.

Biex dan iseħħ irridu nassiguraw li l-prinċipju tal-ugwaljanza janima l-politika nazzjonali u jkun inkorporat f’kull pjan ta’ azzjoni jew liġi.

Nixtieq nieħu din l-okkażżjoni biex nirringrazzja lil Sina Bugeja li għal dawn l-aħħar snin ħadmet bħala Kap Eżekuttiv tal-Kummissjoni għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza. Ix-xogħol u d-dedikazzjoni li dejjem uriet f’dan il-qasam kien ta’ ispirazzjoni kemm għall-Kummissjoni kif ukoll għall-pajjiż.

Fl-istess waqt, nixtieq nilqa’ bi pjaċir lil Therese Bugeja, il-Kap Eżekuttiv li bdiet tokkupa dan ir-rwol fl-aħħar xhur u ntenni l-appoġġ tagħna biex flimkien nilħqu l-miri stabbiliti f’dan is-settur daqstant għal qalbna. Bla dubju ta’ xejn, nirringrazzja wkoll lill-Bord tal-Kummisjoni li ilu jaħdem biex jippromwovi l-ugwaljanza f’pajjiżna għal dawn l-aħħar snin. Id-determinazzjoni tagħkom kienet fundamentali biex jitwassal il-messaġġ favur l-ugwaljanza.

Nixtieqilkom il-ħidma t-tajba.

1 comment:

  1. Prosit lill-Ministru Dolores Cristina għal diskors kuraġġuż

    ReplyDelete