Saturday, 12 June 2010

L-Orizzont: Il-vot Kattoliku għadu jiswa?

http://www.l-orizzont.com/news.asp?newsitemid=63383
5.6.10 minn Joe Fava

Qabel ma nirrispondi din il-mistoqsija, tajjeb li nistqarr li jien inqis lili nnifsi bħala Kattoliku tradizzjonali, bin-nuqqasijiet kollha tiegħi, frott tad-dgħufija umana. Inżid ngħid li jien nostalġiku għall-Knisja pre-konċiljari u li għalkemm dak li ġara wara l-Konċilju lili għamilni qisni ħuta barra mill-ilma, xorta baxxejt rasi u bqajt membru tal-Knisja ta’ missirijieti. Bħala Kattoliku tradizzjonali naf xi ftit fuq din il-faxxa tas-soċjetà Maltija u naf x’inhuma l-ikoni tagħhom, kif jaraw l-affarijiet, x’jiġbidhom lejn u xi jwarrabhom minn mexxejja u partiti. Din il-faxxa ta’ votanti hija wiesgħa biżżejjed, għal-kemm naqset, biex tinfluwenza kull riżultat elettorali.

Din il-faxxa hija distinta mill-massa ta’ Kattoliċi “normali” li ma jħossuhomx daqshekk impenjati b’ċerti kwistjonijiet etiċi bħad-divorzju, abort u żwiġijiet bejn l-omosesswali. Din il-kostitwenza mhix influwenzata fil-vot tagħha minn dawn il-kwistjonijiet etiċi reliġjużi. Mhix identifikata ma ebda partit partikolari u tivvota PN jew PL fuq kwistjonijiet oħrajn jew fuq appartenza familjari u soċjali. Għall-kuntrarju, il-Kattoliċi tradizzjonali jqisu dawn il-kwistjonijiet bħala serji biżżejjed biex jivvotaw mhux skont l-interessi ekonomiċi u soċjali tagħhom iżda l-fiduċja li għandhom f’min huwa l-iżjed idoneu biex jafdawh ħalli jissalvagwarda l-ħajja tradizzjonali tal-familja tradizz­jonali Kattolika.

Il-PN dejjem ikkura sewwa din il-kostitwenza u huwa mħarreġ bis-sħiħ fid-daqq tal-mużika li jgħodd għal wid­­nejha. Il-Kattoliċi tradizzjonali huma ġeneralment nies tal-familja u jaraw theddida serja għat-twemmin tagħhom u għall-moralità pubblika fil-li­bertinaġġ sfrenat fl-in­­tro­­­duzz­­joni tad-divorzju (li jiżbaljaw meta jabbinawh ma’ żwiġijiet imfarrkin), mal-abort, mal-movimenti li jħambqu għal żwiġijiet tal-‘gays’ u ħajja materjalista u xxellerata. Il-PN dejjem qagħad attent biex jidher li huwa sejf u tarka tal-aġenda tagħhom għax jaf li jekk dawn il-Kattoliċi jirrealizzaw li l-Gvern Nazzjonalista tista’ ssejjaħlu kollox barra li jimxi fuq dak li ppriedka n-Nazzarenu, allura jitilquh bil-gzuz.

Għiduli jekk għaddietx kampanja elettorali waħda biss li l-PN ma għamilx użu qarrieqi minn din l-aġenda biex iżomm marbutin miegħu dawn il-voti deċiżivi biex ikompli jirbaħ? Daqqa jakkuża lil-Laburisti li qegħdin iħejju biex jintroduċu d-divorzju, daqqa li huma favur l-abort, daqqa li jridu żwiġijiet tal-omosesswali. L-istess mużika pani­kuża biex iżommu lill-Kattoliċi tradizzjonali magħluqin wara r-rixtellu tagħhom. Jipprovaw u jirnexxilhom inessu lil dawn in-nies id-dnubijiet tar-rgħiba u tal-korruzzjoni billi jippreżen­taw ruħhom bħala l-aħħar difiża tal-valuri tradizzjonali Kattoliċi.

Jeħtieġ li naqtgħulhom iż-żarda u nneħħulhom il-maskri sagri li jilbsu biex jaħbu wiċċhom reali… dak ta’ setgħa, flus u korruzzjoni.



Jiswa ħafna

F’dan il-qasam tal-PN huma konformi ma’ forzi politiċi barra minn pajjiżna li rrealizzaw li din il-faxxa ta’ votanti hija deċiżiva biex ixxaqleb il-miżien lejhom. Fl-aħħar elezzjonijiet reġjonali fl-Italja, Berlusconi rebaħ żewġ reġjuni ewlenin, dawk tal-Piemonte u Lazio għax ġibed lejn il-partit tiegħu proprju l-maġġoranza tal-Kattoliċi tradizzjonali. Ironikament kien l-istess PD, li opponieh, li offrielu r-rebħa fuq platt meta fiż-żewġ reġjuni ppreżenta żewġ kandidati spinti żżejjed lejn l-abort u ż-żwiġijiet ‘gay’.

Tant tnaffar lill-Kattoliċi tradizzjonali aġenda simili, li fir-reġjun tal-Lazio, il-kandidata ta’ Berlusconi reb-ħet bla ma l-PDL kien biss fuq il-lista tal-vot.



Fl-Istati Uniti, l-Insara tradizzjonali, mill-1980 ’l hawn, kie­nu l-iżjed komponent deċiżiv f’kull rebħa presidenzjali. Meta din il-faxxa ġiet mobilitata favur xi kandidat li ħasset li se jindokra l-aġenda tagħha, dan il-kandidat rebaħ… Reagan, George Bush Sr, George Bush Jr Meta kien hemm kandidati bħal John McCain li l-Insara tradizzjonali ħassew li ftit hemm x’tagħżel bejnu u bejn Obama, fl-oqsma tal-abort u ż-żwiġijiet ‘gay’, baqgħu d-dar u r-riżultat kien dak li kien. Issa għax ir-Repubb-likani reġgħu qegħdin jippromwovu l-aġenda tagħhom, rebħu kull elezzjoni li kien hemm.

Fl-elezzjonijiet reġjonali tar-Rhineland-Westphalia, il-partit ta’ Merkel tilef għax din il-kostitwenza assentiet mill-vot għax ħasset li s-CDU ħaddan iżżejjed l-aġenda ta’ żwiġijiet ‘gay’ ta’ sħabu fil-Gvern, il-Liberali.

Il-verdett huwa wieħed, ċar u żgur, il-vot tal-Kattoliċi tradizzjonali jiswa ħafna għal kull reb­ħa elettorali u dak li huwa ħobż għat-Taljani, għall-Amerikani u għall-Ġermaniżi huwa ħobż ukoll għalina l-Maltin. Il-ħobż ta’ din il-kostitwenza ma jridx ikun magħġun u mħawwad la bid-divorzju, la bl-abort u lanqas biż-żwiġijiet bejn omosesswali. Dawn huma velenu għalihom u lesti jkomplu jbatu u jħallsu t-tariffi basta ma jkun hemm l-iċken ċans remot li xi ħadd se jdaħħalhom f’Malta.

Hawn bir-raġun, wieħed jista’ jqum, u jien ngħid jagħmel sewwa li jqum u jistaqsi: Insa l-abort għax dak ħadd ma jridu, iżda Malta se tibqa’ l-uniku paj-jiż fl-Ewropa mingħajr liġi tad-divorzju? Jekk f’pajjiżi barranin omosesswali jistgħu jiżżewġu, għaliex hawn le? Jien lil dawn qatt mhu se mmerihom jew nagħ­tihom tort. Ngħidilhom biss li dawn huma kwistjonijiet etiċi u mhux politiċi. La huma etiċi m’għandhomx u mhux floku li jiġu riflessi fi programmi politiċi. Huma problemi li hija obbligat tiggranfa magħhom u ssolvihom kull persuna individwali u tiddeċiedi skont il-kux­jenza tagħha. Meta jkun il-waqt, ir-rappreżentanti tagħna jiddiskutu fil-Parlament u jivvotaw bl-iżjed mod ħieles dak li jħossu fid-dagħbien ta’ ruħhom. Fuq kollox, kif jgħid il-Malti: Iż-żmien issajru l-bajtar.



Kieku jiġi fostna

Jekk inżarmawlhom dawn l-aħħar difiżi tagħhom u neħdulhom il-maġġoranza ta’ din il-kostitwenza, nikkawżaw terremot qawwi li jibdel radikalment x-xenarju politiku f’pajjiżna. U jaħasra din l-impriża mhix ’il bogħod minna. Għaliex appena neħdulhom din l-aġenda, lin-Nazzjonalisti nkunu neżżaj­ni­hom għarwenin ħuta u kulħadd, speċjalment dawn il-Kattoliċi tradizzjonali li, dawn in-Nazzjonalisti mhux talli ma jħadd­nux valuri Nsara, iżda jekk jemmnu f’xi ħaġa, jemmnu fis-setgħa li tippermettilhom jaq-tgħu l-għatx tar-rgħiba tagħ-hom minn xmajjar ifuru bil-korruzzjoni.

Dawn huma rappreżentanti tipiċi ta’ klassi ħakkiema rgħiba li ħsibna li kienet għebet mat-tmiem tat-Tieni Gwerra Dinjija. Iżda għarralna, għax bħal Dra-kuli ġodda ħarġu mill-oqbra jintnu bil-fdalijiet putridi biex jippriedkaw u jippratikaw reliġjon ġdida mibnija fuq ir-rgħiba. Ikolli nirrikorri għall-kliem l-istoriku Arnold J. Toynbee meta indirizza lill-eħrex kapitalisti tal-aħħar snin tas-Seklu 19 hekk: “The distinctive feature of these new pagans is wealth produced by the systematic application of state power and corruption in the service of greed.”

Allura meta l-pagani reġgħu fostna li jqimu biss lill-Mammona, għaliex għandha tkun daqstant diffiċli għalina li nċarr­tulhom il-maskri qarrieqa u nes­po­nuhom għal li verament huma. Jinqdew bil-paniġierki fa­vur l-aġenda tal-Kattoliċi tradizzjonali biex fil-fatt jipprattikaw is-setgħa fis-servizz tar-rgħiba.

U din l-oxxenità hija iżjed oxxena għax fil-politika Maltija jekk kien hawn xi partit li emmen bis-serjetà u bil-fatti dak li ppriedka n-Nazzarenu dan kien il-Partit Laburista. Min kien li libbes lill-għarwien, li mela żaqq il-fqir, li fejjaq il-morda bla ħlas, min ħenn għall-orfni u l-armla, min ħaseb u eduka t-tfal biex jattwa dak li ried l-Imgħallem meta qalilna li kull min jagħmel l-iċken ħaġa ma’ wieħed minn dawn iċ-ċkejknin ikun qiegħed jagħmlu miegħu? Min jekk mhux il-Laburisti?

U kieku kellu jiġi fostna n-Nazzarenu kien jindirizza lil dawn l-ipokriti li ilhom 25 sena jipprattikaw ir-reliġjon tar-rgħiba u materjaliżmu li għerriet mis-sisien il-valuri kollha li ppriedka huwa bħalma kien indirizza lill-Fariżej li sallbuh. Se nikkwota lil Mattew mill-Bibbja l-iżjed għal qalbi, dik bl-Ingliż fil-verżjoni ta’ King James: “You bind heavy burdens and grevious to be borne, and lay them on men’s shoulders, but you yourselves will not move them with one of your fingers.” Proprju għalhekk m’għandniex naqgħu f’nasbiet li nħallu affarijiet sekondarji jiżvijjawna mis-sustanza tal-kwistjoni. Appena l-Kattoliċi tradizzjonali jispiċċawlhom il-biżgħat li n-Nazzjonalisti tant jafu jisfruttaw u jesplojtjaw, appena nid-ħlu fosthom u f’qalbhom u f’ruħ­hom biex nuruhom li dawk li użawhom mhux talli ma jħaddnux il-valuri Nsara, iżda talli f’25 sena ta’ liċenzja, libertinaġġ u rgħiba, heżżew mill-qiegħ dak kollu li fih il-messaġġ tal-priedka fuq il-muntanja.



Attenti u b’seba’ għajnejn

L-impriża li għandna quddiemna nagħmluha, naslu fejn irridu jekk inkunu umli biżżejjed li nitgħallmu mill-iżbalji tal-imgħoddi. In-Nazzjonalisti, bħa­la “ulied id-dlam” dejjem kienu iżjed għaqlin biex jonsbuna u jonfħu kull kelma żejda jew mhux proprja għall-proporzjonijiet ta’ żeppellin. Jafu sewwa u huma esperti biex jisfruttaw kull inċident u kull persuna biex jiżirgħu d-dubji u jxerrdu l-qlajjiet. Għalhekk jeżtieġ li noqogħdu attenti u b’seba’ għaj­nejn li ma jidentifikawx ruħhom magħna anke xi żewġ qassisin li jippriedkaw tagħlim banali li jwerwer lill-Kattoliċi veri bħal ereżija li Sidtna Marija hija ‘single mother’ jew li San Pawl kien immigrant illegali.

Mhux sewwa li l-uniku partit politiku li poġġa fil-prattika dak li ordnalna Kristu fl-Evanġelju jibqa’ jbati tort ta’ nies bla uqija influwenza fil-moviment li jħob­bu jisparlaw fil-vojt u moħħhom biss biex juru u jipprovaw lilhom infushom kemm huma emanċipati, avvanzati fil-ħsieb u moħħhom miftuħ. Il-Kattoliċi tradizzjonali huma l-kostitwenza naturali tal-PL għax dan il-partit mhux biss ħaddan it-tagħ­lim Nisrani, iżda pprattikah. Iżjed minn hekk dejjem ħass ir-responsabbiltà li jkun l-għassies ta’ ħuh. Dejjem emmen fil-ħajja tal-ispirtu u li l-ġid komuni għandu jinqasam b’mod ġust.

Id-differenza bejn iż-żewġ naħat hija proprju hawn u hija waħda fundamentali. In-Nazzjonalisti jemmnu li jagħmlu sinjuruni lil ftit li qegħdin fuq nett għax jgħidu li hekk ftit mill-ġdid jibqa’ nieżel ’l isfel u ta’ taħt imisshom xi qatra wkoll. Il-Laburisti jemmnu li jindukraw u jimlew bwiet ta’ dawk ta’ taħt nett u għax hekk il-ġid jitla’ ’l fuq u jgawdi kulħadd. Tal-ewwel jaħsbu fil-ftit u tat-tieni jaħsbu fil-kotra. Id-differenza fil-mentalità hija lampanti.

Min għalih jiġu l-ewwel dawk li huwa diffiċli għalihom li jgħaddu min għajn ta’ labra, u min għalih jiġu l-ewwel dawk li jinsabu fil-ħtieġa. Il-parabbola tal-impossibbiltà li wieħed rgħib u sinjur jidħol f’saltnatu daqs dik li ġemel jgħaddi minn għajn ta’ labra hija ċara. Iżda n-Nazzjonalisti anke mal-parabbola tal-ġemel jafu jduru. Joħolmu bi proġett u jibnu bieb ieħor forma ta’ għajn ta’ labra. Mill-kuntratt nafu min igawdi.

Għall-Kattoliċi l-Mulej huwa alla tagħhom; għar-rgħeba alla tagħhom huwa Mammona. Din hija l-għażla li jridu jagħ­mlu l-Kattoliċi, tradizzjonali u mhumiex. Lil min se jqimu lil Alla jew lil Mammona?

No comments:

Post a Comment