http://www.il-gensillum.com/news.asp?newscat=13&news=4432
4 ta'Gunju 2010
Waqt laqgħa li l-Prim Ministru Lawrence Gonzi kellu ma’ rappreżentanti differenti mill-fergħat tal-Moviment ta’ Kana, huwa qal li l-Gvern dejjem hu kommess biex joħroġ miżuri favur il-familja.
Meta kien qed jindirizza lil dawk preżenti, Dr Gonzi qal li l-Gvern b’familja jifhem relazzjoni b’saħħitha bejn raġel u mara u li bejniethom ikun hemm żwieġ permanenti. Huwa tenna li d-dinja moderna toffri diversi sfidi għall-koppji, u l-Moviment ta’ Kana permezz tal-fergħat tiegħu qed jgħin b’diversi modi. Qal li ż-żgħażagħ iridu jkunu lesti li jagħmlu preparazzjoni, sagrifiċċji, u impenn. Huwa qabbel il-familja ma’ djamant minħabba d-diversi wċuh li toffri.
L-Avukat Robert Tufigno, Membru tal-Kumitat tal-Moviment ta’ Kana, qal li rikonoxximent mill-Gvern għal relazzjonijiet ta’ forma oħra huma ta’ ħsara u detriment għas-soċjetà għax imorru kontra l-prinċipju tal-familja. Huwa saħaq li għandu jkun hemm politika li tirrikonoxxi aktar lill-familja u semma tliet oqsma li fil-fehma tiegħu huma traskurati. Qal li għandu jkun hemm aktar trabi fiż-żwieġ milli barra ż-żwieġ. Semma wkoll li għandu jkun hemm kuxjenza dwar ir-rwol tal-ġenerazzjonijiet differenti tal-familja.
Intant, id-Direttur ta’ Kana, Fr Joe Mizzi, għamel preżentazzjoni qasira tax-xogħlijiet li għamel il-Moviment matul l-2009. B’kollox qal li sar counselling ma’ 749 persuna. Il-Moviment organizza 62 kors f’parroċċi differenti madwar Malta fejn b’kollox ipparteċipaw 1,350 koppja. Madwar 100 persuna ngħataw pariri legali.
Il-President tal-Moviment, Dr Anna Vella, qalet li kulmin jagħti kontribut huwa voluntier, inkluż il-professjonisti. Fost il-fergħat li għandu l-Moviment ta’ Kana qalet li hemm support groups varji, kemm għal min qed jissepara u anki għal min għandu problemi biex ikollu t-tfal. Hemm ukoll grupp għar-romol u anki għall-breastfeeding.
No comments:
Post a Comment