Saturday, 12 June 2010

L-Orizzont: Konferenza Annwali tal-Kummissjoni għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza: Ħtieġa li l-ħidma mwettqa fl-aħħar snin tkompli tikber

http://www.l-orizzont.com/news.asp?newsitemid=63425
8.8.10 minn Roberto Debrincat

Teżisti l-ħtieġa li fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, il-ħidma mwettqa mill-Kummissjoni għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza tkabbar il-ħidma tagħha fuq temi ta’ diskriminazzjoni li jinvolvu l-età, ir-reliġjon kif ukoll l-orjentazzjoni sesswali. Qalet dan il-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja, Dolores Cristina, waqt li kienet qiegħda tindirizza s-sitt konferenza annwali tal-istess Kum­missjoni.

Il-Ministru Cristina qalet li din is-sena hija s-sena Ewro­pea ddedikata għall-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali. “Din il-ġlieda m’għand­niex nagħmluha matul din is-sena biss, iżda kontinwament għandna nfittxu li nipproteġu lil dawk kollha li jħossu li huma vulnerabbli fis-soċjetà.

Hu dmir tagħna li noħolqu ambjent fejn kulħadd iħoss li għandu ċans jirnexxi fis-soċjetà għax ilkoll nitilqu mill-istess punt tat-tluq mingħajr vantaġġi fuq ħaddieħor. Irridu lkoll naħdmu u niġbdu ħabel wieħed biex ikollna soċjetà li verament tgħożż il-parteċipazzjoni attiva, l-ugwaljanza u d-diversità,” qalet il-Ministru.

F’din il-konferenza ann­wali, indirizzaw lil dawk preżenti Dr Janet Mifsud kif ukoll Therese Bugeja, il-Kum­missarju u d-Direttur Eże­kuttiv ta’ din il-kummissjoni rispettivament. Fost il-punti li tqajmu kien hemm dak li jirrigwarda l-ammont ta’ lmenti diskriminatorji li rċeviet il-Kummissjoni matul is-sena 2009.

B’kollox kien hemm 35 ilment, li 22 minnhom kienu ġejjin mis-settur pubbliku. Fil-maġġoranza tagħhom, dawn l-ilmenti kienu dwar diskriminazzjoni tas-sessi, filwaqt li waħda biss kienet tinvolvi diskriminazzjoni raz­­­­zjali. Bejn 60% sa 70% ta’ dawn l-ilmenti ġejjin mingħand in-nisa.

Matul din il-konferenza ngħata tagħrif dwar l-operat ta’ din il-kummissjoni kif ukoll dwar proġetti li l-istess kummissjoni qiegħda taħdem fuqhom fil-preżent, li fil-maġġoranza tagħhom jiffukaw fuq riċerka dwar temi varji li għandhom konnessjoni mad-diskriminazzjoni.

Punti oħrajn li tqajmu kienu dawk li jirrigwardaw lin-nisa fis-settur tax-xogħol. Ingħata bħala eżempju l-każ ta’ spiżjara, li bħal kull mara oħra fid-dinja tax-xogħol, għandha dritt għal ‘maternity leave’ kif ukoll għal ‘parental leave’.

Però f’negozji fejn il-ħaddiema ma jkunux aktar minn tlieta, dan qed joħloq problemi kbar għal sid in-negozju li jkollu joħroġ aktar flus.

Fid-dawl ta’ din il-problema, ġie ssuġġerit li għandha tingħata aktar informazzjoni lill-irġiel biex dawn jikkunsidraw bis-serjetà l-possibbiltà li huma jaħdmu b’ħi­n­ijiet aktar flessibbli ħalli b’hekk jagħtu l-opportunità lin-nisa tagħhom li jkollhom karriera professjonali.

Fl-istess waqt, tqajjem il-punt li fil-preżent, id-‘day care centres’ li nsibu f’paj­jiżna joffru servizz b’ħin ristrett, xi ħaġa li qed twassal biex dawk l-ommijiet li jidħlu lura fid-dinja tax-xogħol li ma jkollhomx ma’ min iħallu lil uliedhom, ifittxu impjieg fuq bażi partajm minflok fultajm.

L-aħħar punt li kien diskuss huwa dak li jirrigwarda d-diskriminazzjoni razzjali f’pajjiżna fejn wieħed mill-kelliema saħaq li sfortunatament hemm bżonn li tittieħed azzjoni immedjata fuq dan, tant li huwa ddes­kriva s-sitwazzjoni preżenti bħala ta’ Żmien il-Ħaġar.

No comments:

Post a Comment