http://www.l-orizzont.com/news.asp?newsitemid=58095
11.11.9 minn James Piscopo
Nhar l-Erbgħa, 28 ta’ Ottubru, nistqarr li bqajt sorpriż wara li qrajt artiklu miktub mill-Arċisqof Emeritus Mercieca, lil waħda mill-gazzetti lokali li toħroġ kuljum. F’dan l-artiklu, li jirrifletti l-opinjoni tal-Isqof Mercieca fuq il-progress, laqtitni speċjalment sentenza partikolari li fiha jgħid: “It is dangerous to state that I have the right to do what my conscience tells me to do simply because my conscience tells me to do it.” Għalkemm il-kuxjenza ma timxix dejjem tajjeb, lanqas irrid li l-moralità tiegħi, u dak li jiddefinixxi x’inhu tajjeb jew mhux, tiddependi fuq ħaddieħor li jgħidli kif għandi ngħix jew x’nagħzel għax dan jemmen hekk. Nistqar li dan malajr ġabli xeni quddiem għajnejja meta l-poplu Malti kien jirċievi istruzzjonijiet minn fuq il-pulptu kull nhar ta’ Ħadd, x’għandu jagħmel fil-ħajja tiegħu, kif għandu jaħsibha, saħansitra kif kellu jivvota. Żmien li ddomina l-Ewropa mill-Medjuwevu u żmien l-Inkwiżizzjoni, u sfortunatament anke żmien ħafna aktar riċenti fix-xena lokali.
Għalkemm naf li jeżisti dan it-tip ta’ biża mill-progress, jien nemmen f’bidla fil-mentalità. M’għandniex minn xiex nibżgħu nkunu progressivi. M’għandekx tibża’ li timraħ ’il bogħod, ’il bogħod mill-‘istatus quo’. Għalhekk nemmnu fid-drittijiet tal-omosesswali, fl-introduzzjoni tad-divorzju, fl-użu responsabbli tal-kontraċettivi; għax huma ideat li mhux talli m’għandekx tibża’ taffaċċjahom, talli r-realtà u l-istatistika turi li wasal iż-żmien li dawn l-ideat ikunu diskussi u introdotti fil-gżejjer tagħna. Hawnhekk nemmen li tinsab il-problema fi ħdan il-Knisja: li tibqa’ tħares lejn it-tagħlim tagħha u mhux lejn ir-realtà. U dan juri kemm din hi l-akbar istituzzjoni politika konservattiva fid-dinja. Bħala studjuż tal-istorja, naħseb li m’hemmx eżempju iktar ċar li juri l-konservatiżmu għall-vantaġġ tal-Knisja mill-eżempju tas-snin 50. Qalb id-diskussjoni taħraq fil-pajjiż bejn l-Integrazzjoni ta’ Mintoff u l-Indipendenza ta’ Borg Olivier, il-Knisja ippreferiet ‘status quo’ għal unika raġuni li dak iż-żmien l-Imperu Ingliż ħalla l-poter li kellha l-Knisja fi ħdanha, u la l-Indipendenza u lanqas l-Integrazzjoni ma ggarantiet li l-Knisja tibqa’ b’dik l-influwenza u l-poter li kellha.
B’dan l-artiklu mhux l-iskop tiegħi li nattakka l-Knisja u l-użanzi tagħha. Però wieħed irid jkun flessibli u prattiku skond ir-realtà taż-żminijiet. Dak li kien jgħodd għal xi 30 sena ilu, mhux bilfors għadu jgħodd illum. Jien nemmen li ħarsa lejn l-istorja lokali turina minn veru żamm il-progress lura. Ideat progressivi li fis-snin 70 u 80 kienu kkunsidrati wisq perikolużi għax progressivi, introdotti minn Mintoff, issa saru ħaġa ‘forgranted’ u essenzjali. L-istorja qiegħda turina li għal min ibeżża lil min lest jimraħ il-bogħod, hemm l-evidenza li dan qatt ma ħareġ rebbieħ. Għalhekk m’hemmx lok għall-biża’ mill-progress.
Wara iżjed minn 20 sena ta’ konservatiżmu f’Malta, nissogra ngħid li ma fadalx iżjed x’“tikkonserva” ħlief il-korruz-zjoni u burokrazija li fniet lil dan il-pajjiż.
Għalhekk nemmen li issa aktar minn qatt qabel, wasal iż-żmien ta’ bidla. Mhux sempliċiment bidla tal-kulur fil-gvern biss, imma nemmen li għandna bżonn bidla fl-ideoloġija, bidla fil-mentalità, bidla fit-tmexxija. Biżżejjed tara li bi tmexxija konservattiva għal dan iż-żmien twil, spiċċajna bigħejna l-assi nazzjonali, prattikament kollha, u pprivatizzajnihom, bil-konsegwenza li l-uniku mod kif il-Gvern idaħħal il-flus, jew aħjar kif jipprova jlaħħaq mad-defiċit, hu direttament mit-taxxi tal-poplu.
Nagħlaq b’sentenza li qal il-Professur Alfred Vella, pro-rettur tal-Università, fuq il-programm ġrajjiet kurrenti fuq One TV “TX”: “Aħna nistennew li ideat progressivi joħorġu minn studenti universitarji, għax jekk ma jkunux dawn l-istudenti, liema ġenerazzjoni se tippromwovi dawn l-ideat?”.
Hu dan l-iskop tal-għaqda MOVE – Progressive Students; li nwasslu l-messaġġ progressiv fuq il-Campus tal-Università. Bdejna u se nkomplu naħdmu biex inwasslu dak li nemmnu fih. Għax nemmnu li l-progress, ma fihx minn xiex tibża’ minnu.
No comments:
Post a Comment