11.11.9 minn Sammy Sammut
Fatti u figuri li jirriżultaw mill-aħħar stħarriġ tal-opinjoni pub-blika, li sar mill-Ewrobarometru u li kien ippubblikat mill-Kummissjoni Ewropea, juru li l-maġġoranza taċ-ċittadini fil-gżejjer Maltin jemmnu li mhux qiegħed isir biżżejjed biex tkun miġġielda kull forma ta’ diskriminazzjoni.
Waqt li huma ftit aktar minn 50% taċ-ċittadini f’Malta li huma ta’ din il-fehma, kontra l-medja Ewropea ta’ 44%, interessanti l-fatt li mill-aħħar stħarriġ li kien sar, dawk b’din il-fehma negattiva żdiedu b’aktar minn tmienja fil-mija.
Il-Maltin huma tal-fehma li d-diskriminazzjoni, hi mifruxa sew f’pajjiżna. 77% tal-Maltin, kontra l-medja Ewropea ta’ 61%, huma tal-fehma li l-akbar diskriminazzjoni ssir fuq il-bażi ta’ razza jew oriġini etnika.
Id-diskriminazzjoni li ssir fuq il-bażi tal-orjentazzjoni sesswali hi msemmija fit-tieni post – b’57% kontra 47% fl-Ewropa – segwita mid-diskriminazzjoni minħabba l-età – 44% kontra t-58% fl-Ewropa. Huma biss ir-riżultati miksubin dwar id-diskriminazzjoni fuq il-bażi ta’ reliġjon u l-ġeneru tas-sess li kellhom riżultati qrib il-medja Ewropea u kienu msemmijin fl-aħħar postijiet.
Dan huwa it-tielet f’serje ta’ stħarriġiet speċjali tal-Eurobarometru dwar id-diskriminazzjoni fl-Ewropa u jimmira li jsegwi kif inbidlu l-opinjonijiet u l-perċezzjonijiet fis-snin riċenti.
Dan l-aħħar stħarriġ sar bejn id-29 ta’ Mejju u l-15 ta’ Ġunju 2009, b’kampjun ta’ 26,756 persuna li ġew intervistati fi 30 pajjiż Ewropew (is-27 Stat Membru tal-UE u t-tliet pajjiżi kandidati).
Din id-darba, żdiedu xi mistoqsijiet fuq l-impatt tar-riċessjoni fuq il-livell ta’ diskriminazzjoni. Barra minn hekk, u għall-ewwel darba, l-istħarriġ kopra wkoll it-tliet pajjiżi kandidati: il-Kroazja, dik li kienet ir-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja (FYROM) u t-Turkija. L-istħarriġ preċendenti twettaq f’Settembru 2006 u 2008. Il-pubblikazzjoni tar-riżultati tal-Ewrobarometru dwar id-diskriminazzjoni kienet f’waqtha billi l-ġimgħa d-dieħla – fis-16 u s-17 ta’ Novembru 2009 – il-Presidenza Svediża tal-UE u l-Kummissjoni Ewropea se jorganizzaw it-tielet ‘summit’ tal-UE dwar l-Ugwaljanza fi Stokkolma. Dan l-avveniment annwali jimmira li jixpruna l-kwis-tjonijiet tad-diskriminazzjoni u d-diversità sal-quċċata tal-aġendi tal-UE u tal-Gvernijiet nazzjonali, u biex jaqsam l-għarfien u l-esperjenzi biex jiġu żviluppati mezzi aktar effettivi biex jiġġieldu kontra kull tip ta’ diskriminazzjoni. Mill-istħarriġ li sar f’Malta jirriżulta li hija biss minoranza taċ-ċittadini Maltin, u ħafna inqas mill-medja Ewropea, li għalihom ma tagħmel l-ebda differenza jekk fost ħbiebhom u dawk midħla tagħhom ikun hemm persuni li jkunu jbatu minn xi diżabilità, li jkunu ta’ razza differenti jew li huma omosesswali.
Huma biss 31% ta’ dawk il-Maltin intervistati li qalu li jaċċettaw li fost ħbiebhom u dawk midħla tagħhom ikun hemm persuni ta’ oriġini etnika differenti minn tagħhom, kontra l-medja Ewropea ta’ 57%. Kienu 32% tal-Maltin (kontra l-medja Ewropea ta’ 38%) li wieġbu li fost sħabhom hemm min hu omosesswali; 42% (fl-Ewropa 58%) qalu li fost sħabhom hemm min ibati minn xi diżabilità waqt li 37% (kontra l-medja Ewropea ta’ 64%) wieġbu li għandhom ħbieb ta’ twemmin jew reliġjon differenti. F’diversi lati, il-Maltin jaqblu ma’ sħabhom l-Ewropej dwar id-diskriminazzjoni li tista’ ssir fost il-persuni fl-għażla li jingħataw impjieg. Minkejja dan irriżultaw xi differenzi.
Il-Maltin jgħidu li l-akbar diskriminazzjoni tista’ ssir minħabba l-mod ta’ kif ikun liebes dak li jkun, il-mod kif jippreżenta ruħu, imbagħad il-kulur ta’ ġildu, imbagħad wara l-età u d-dehra ġenerali tiegħu. L-orjentazzjoni sesswali ta’ dak li jkun kienet imsemmija minn 31% taċ-ċittadini Maltin, waqt li l-medja Ewropea kienet 18% biss. L-istħarriġ wera wkoll li l-maġġoranza tal-Maltin jaħsbu li d-diversità hija rrap-preżentata sew fil-qasam tal-midja.
Dan japplika għal kull kriterju – razza, reliġjon, età, diżabilità u orjentazzjoni sesswali. Minkejja dan, però, ir-riżultati miksuba fost il-Maltin intervistati huma inqas mill-medja Ewropea, ħlief fil-każ tad-diżabilità. Il-maġġoranza assoluta tal-Maltin aktar jiffavorixxu mara (9.0), persuna b’diżabilità (7.5), persuna taħt it-30 sena (6.9) jew persuna omosesswali (6.7) f’xi pożizzjoni politika importanti. Min-naħa l-oħra, joqogħdu aktar lura f’każ ta’ persuna bi twemmin differenti (4.6), xi ħadd b’oriġini etnika differenti (4.4) jew xi ħadd li għandu aktar minn 75 sena (4.1). Jirriżulta wkoll li kważi wieħed minn żewġ Maltin jgħidu li huma konxji minn drittijiethom fejn tidħol id-diskriminazzjoni.
Dan huwa 12-il punt perċentwali aħjar mill-medja Ewropea. Minkejja dan, però, kważi kollha jilmentaw li jeżisti nuqqas ta’ informazzjoni dwar dan. Bħal fil-maġġoranza taċ-ċittadini Ewropej, iżda b’porzjonijiet akbar, f’każ li jisfaw vittma ta’ xi forma ta’ diskriminazzjoni jew iffittar, iċ-ċittadini f’Malta l-ewwel ma jirrikorru jkun għand il-pulizija (62%), imbagħad għand avukat (56%) segwiti mit-trejdunjins (36%) Min-naħa l-oħra, ikunu inqas disposti mill-midja Ewropea, li jirrikorru lejn xi tribunal jew xi organizzazzjoni għal drittijiet indaqs.
16% tal-Ewropej jirrapportaw
li esperjenzaw diskriminazzjoni
Madwar wieħed minn kull sitta min-nies fl-Ewropa jiddikjaraw li esperjenzaw id-diskriminazzjoni personalment fis-sena li għaddiet, skont stħarriġ ta’ opinjoni ġdid rilaxxat mill-Kummissjoni Ewropea llum. Sadanittant, 64 fil-mija tal-Ewropej jinsabu mħassbin li r-riċessjoni se tikkontribwixxi għal aktar diskriminazzjoni tal-età fis-suq tax-xogħol.
L-aħħar riżultati tal-Ewrobarometru waslu f’waqthom qabel is-’summit’ Ewropew tal-Ugwaljanza ta’ din is-sena, li għandu jsir fi Stokkolma fis-16 u 17 ta’ Novembru.
“Id-diskriminazzjoni baqgħet problema madwar l-Ewropa u l-perċezzjonijiet tagħha huma stabbli f’mod wiesa’ meta mqabblin mas-sena li għaddiet,” qal il-Kummissarju tal-Opportunitajiet Indaqs, Vladimír Spidla.
“Qasam ta’ tħassib hu li qiegħed jidher li se jkun hemm żieda fid-diskriminazzjoni tal-età bħala riżultat tar-riċessjoni.
“Dawn ir-riżultati juru li minkej-ja l-progress, għad baqa’ triq twila qabel ma naslu biex inġibu lin-nies konxji tad-drittijiet tagħhom għal trattament ugwali, partikolarment fil-livell nazzjonali u niżguraw li l-ugwaljanza ma tibqax frażi vojta iżda issir realtà,” żied jgħid il-Kummissarju.
L-esperjenza personali tad-diskriminazzjoni skont dawk li wieġbu, baqgħet il-biċċa l-kbira l-istess mill-aħħar stħarriġ li sar is-sena li għaddiet, bl-età tingħata bħala l-aktar raġuni komuni (6 fil-mija ta’ dawk li wieġbu).
Kollox ma’ kollox, fl-2009, 16 fil-mija tal-Ewropej irrapportaw li esperjenzaw id-diskriminazzjoni (fuq il-bażi ta’ razza, reliġjon, età, diżabilità, jew orjentazzjoni ses-swali), l-istess bħal fl-2008.
Madankollu, kien hemm żieda qawwija fid-diskriminazzjoni fuq il-bażi tal-età u diżabilità.
Tmienja u ħamsin fil-mija tal-Ewropej iqisu li d-diskriminazzjoni tal-età hija mifruxa sew f’pajjiżhom, meta mqabbla mat-42 fil-mija fl-2008, filwaqt li 53 fil-mija ddikjaraw diskriminazzjoni minħabba f’diżabilità (45 fil-mija fl-2008).
Hemm ukoll rabta ċara mal-qagħda ekonomika kurrenti, b’64 fil-mija tan-nies li qed jistennew li t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku se jwassal għal aktar diskriminazzjoni tal-età fis-suq tax-xogħol.
Dan jista’ jirrifletti ż-żieda fil-qgħad fost iż-żgħażagħ f’bosta pajjiżi tal-UE bħala riżultat tat-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku u jista’ jirrifletti wkoll għarfien li kull ma jmur dejjem jikber ta’ dawn it-tipi ta’ diskriminazzjoni.
Kollox ma’ kollox, wieħed minn kull tlett Ewropej huma konxji mid-drittijiet tagħhom fil-każ li jsiru vittmi ta’ diskriminazzjoni jew intimidazzjoni.
Madankollu, din iċ-ċifra tostor differenzi konsiderevoli fil-livell nazzjonali.
L-għarfien żdied mill-aħħar stħarriġ fl-2008 fir-Renju Unit (+8 punti), Franza (+7), l-Irlanda u l-Iżvezja (kull wieħed +6), iżda naqas fil-Polonja (-12) u fil-Portugall (-11).
Iż-żieda fl-għarfien pubbliku huwa proċess fit-tul li jeħtieġ sforzi konġunti fil-livell Ewropew u fil-livell nazzjonali, inklużi atturi importanti bħall-Entitajiet Nazzjonali tal-Ugwaljanza.
Il-Kummissjoni Ewropea qed issegwi sforzi f’dan il-qasam permezz tal-kampanja pan-Ewropea ta’ informazzjoni “Favur id-Diversità kontra d-Diskriminazzjoni”, billi jiġu ffinanzjati proġetti nazzjonali li jżidu l-għarfien permezz tal-programm PROGRESS, u preċedentement permezz tas-Sena Ewropea għall-Opportunitajiet Indaqs 2007.
Fit-termini ta’ rapportaġġ ta’ każijiet ta’ diskriminazzjoni, il-biċċa l-kbira tal-Ewropej l-ewwel ma jikkuntattjaw huma l-pulizija (55 fil-mija), filwaqt li 35 fil-mija jikkuntattjaw lill-entità ta’ ugwaljanza tagħhom u 27 fil-mija lil xi trejdjunjin.
Il-fiduċja fid-diversi organizzazzjonijiet li jittrattaw il-kwistjonijiet ta’ diskriminazzjoni tvarja ħafna minn pajjiż għall-ieħor.
Id-‘data’ tal-istħarriġ tqawwi l-qlub għax titfa’ d-dawl fuq il-mekkaniżmi soċjali li bihom tista’ tinstab soluzzjoni għad-diskriminazzjoni.
Ir-rapport juri li ċ-ċrieki soċjali, l-edukazzjoni u l-isforzi biex jiżdied l-għarfien qed jikkontribwixxu għal aċċettanza aħjar tad-diversità.
L-isforzi u l-politiċi li jfittxu li jittrattaw din ir-realtà bla dubju se jikkontribwixxu aktar biex jiġġieldu d-diskriminazzjoni u jippromwovu d-diversità.
No comments:
Post a Comment