Thursday, 26 November 2009

L-Orizzont: Aktar tħassib għall-kummenti tal-Imam

26.11.9 Minn SAMMY SAMMUT

Il-Moviment Graffitti ngħaqad ma’ movimenti oħrajn f’espressjoni ta’ tħassib serju għal kummenti li saru mill-Mexxej Musulman f’Malta, l-Imam Mohamed El Sadi fejn dan, fost dikjarazzjonijiet oħrajn, qabbel iż-żwieġ bejn żewġ persuni tal-istess sess ma’ żwieġ bejn kelb u qattus u fejn tkellem dwar prattiċi inumani biex tissanzjona lil min ikun wettaq ċerti reati.

L-Imam El Sadi għamel dawn il-kummenti waqt li kien qed jieħu sehem fuq il-programm televiżiv “Bondiplus”, li jixxandar fuq l-istazzjon tal-istat lokali, PBS. Fost oħrajn, El Sadi saħaq li, b’konformità tal-Liġi tax-Sharia, il-qtugħ tal-idejn ta’ persuna ħatja ta’ serq huwa “kastig mistħoqq” għax nies bħal dawn ma ħaqqhomx aħjar. Huwa qal ukoll li jaqbel mal-kastigi li jingħataw lil persuni omosesswali, minkejja li f’ċerti pajjiżi Musulmani l-kastig jista’ jinkludi saħansitra għomor il-ħabs u f’ċerti każi anke l-mewt.

L-ewwel persuna li esprimiet l-oppożizzjoni qawwija tagħha għal dawn il-kummenti kien l-Inġinier Patrick Attard, li mhux biss kien l-ewwel kandidat li kkontesta Elezzjoni Ġenerali li ddikjara bil-miftuħ li huwa gay iżda hu magħruf sew għall-ħidma sfiqa tiegħu favur it-tħaris tad-drittijiet fundamentali tal-persuni LGBT.

L-inġinier Attard qal li kien ixxokkjat bil-kummenti li għamel El Sadi meta attribwixxa l-qilla ta’ Alla fid-dinja għall-aċċettazzjoni akbar ta’ persuni gay. Din ma kinitx l-ewwel darba li mexxejja Musulmani taw x’jifhmu li diżastri naturali li seħħew fid-dinja, bħalma kien it-Tsunami, huma riżultat tal-fatt li qed ikun hawn aktar nies li jaċċettaw persuni gay.

Patrick Attard fi stqarrija li ħareġ qal li xtaq jistaqsi lill-Imam jekk jaqbilx mal-qtil ritwali u l-eżekuzzjoni ta’ persuni gay f’ċerti pajjiżi Musulmani, bħal per eżempju t-tgħalliq taż-żewġ żgħażagħ Mahmoud Asgari u Ayaz Marhoni għas-sempliċi raġuni li dawn setgħu kienu persuni gay.

Staqsa wkoll lil El Sadi jekk kienx qiegħed jissuġġerixxi li anke f’Malta persuni gay jibdew jingħataw il-mewt.

L-Inġinier Attard qal li l-Imam għandu jkun grat lejn il-komunità Maltija ta’ bejn 15,000 u 30,000 persuna gay jew lesbjani li bit-taxxi li jħallsu qegħdin jgħinu biex ikunu salvati eluf ta’ persuni Musulmani li qegħdin jaħarbu mit-tbatijiet, sofferenzi u l-gwerer li hemm f’art twelidhom, u biex dawn jingħataw kenn fejn joqogħdu flimkien ma’ ħtiġijiet oħra bażiċi, bħal ikel u xorb. “L-Imam El Sadi għandu jagħmel apolo- ġija lill-persuni kollha gay u lesbjani Maltin u Għawdxin,” saħaq Patrick Attard.

Min-naħa tagħha, il-kelliema ta’ Alternattiva Demokratika għad-Drittijiet Ċivili, Yvonne Evejer qalet li “AD tirrispetta d-dritt ta’ kulħadd li jipprattika t-twemmin reliġjuż tiegħu, iżda qatt ma nistgħu naċċettaw dikjarazzjonijiet simili għal dawk ta’ El Sadi li, apparti li huma kuntrarji għal-liġijiet Maltin, iwasslu biex tinxtered aktar mibgħeda, vjolenza u nuqqas ta’ rispett lejn id-dinjità tal-persuna umana”.

Issa anke l-Moviment Graffitti ħareġ jikkummenta dwar id-dikjarazzjonijiet pubbliċi magħmulin mill-Imam El Sadi. Il-Moviment Graffitti jgħid li ghalkemm għandna nirrispettaw kull twemmin reliġjuż, ir-rispett għandu jiġi wkoll mingħand dawn tal-aħħar lejn kull persuna, irrispettivament mill-orjentazzjoni sesswali tagħha.

“Persuni omosesswali għandhom iħossuhom irrispettati f’kull pajjiż u naqblu wkoll li dawn in-nies għandhom jiġu rikonoxxuti bħala koppji u jgawdu mill-istess drittijiet li jgawdu minn- hom koppji eterosesswali. Nemmnu wkoll li d-drittijiet fundamental tal-bniedem għandhom jgħoddu għal kulħadd, inkluż dawk li jkunu nstabu ħatja ta’ xi reat kriminali,” qal il-Moviment Graf-fitti.

Kompla jgħid li wieħed jifhem li l-kummenti ta’ El Sadi ma jirrappreżentawx lill-Musulmani kollha, bl-istess mod li kummenti omofobiċi li ġieli ntqalu minn rappreżentanti tal-Knisja Kattolika ma jirrappreżentawx lill-Kattoliċi kollha.

Il-Moviment Graffitti esprima wkoll ix-xewqa li fi żmien qrib “naraw liż-żewġ naħat jersqu iktar lejn xulxin u jkun hemm rispett reċiproku u ħidma flimkien għal soċjetà iktar inklussiva.”

No comments:

Post a Comment