[Dan l-artiklu mhux fuq is-sit tat-Torċa s'issa.]
1.11.9
Il-President ta’ Malta għandu jirtira l-istedina li għamel lill-Papa Benedittu XVI biex jagħmel żjara f’Malta u dan minħabba li f’diversi okkażjonijiet Joseph Ratzinger għamel dikjarazzjonijiet offensivi fil-konfront tal-komunità gay u lesbika. Din hija s-sustanza ta’ ittra li l-attivista gay, l-inġinier Patrick Attard, kiteb lill-President ta’ Malta, George Abela.
Fl-ittra msemmija Attard ipprovda għadd ta’ kwotazzjonijiet li f’diversi okkażjonijiet għamel Joseph Ratzinger, qabel u wara li sar Benedittu XVI, li fihom ipoġġi f’dawl ikrah lill-komunità gay u lesbika. Dawn id-dikjarazzjonijiet jistgħu jkunu interpretati bħala li jnisslu fost il-Kattoliċi stmerrija u kundanna għal min huwa ta’ tendenzi omosesswali.
Meta kiteb lill-President, Patrick Attard żvela wkoll li huwa diġà kiteb lil Benedittu XVI biex jgħidu li matul iż-żjara tiegħu f’Malta, li mistennija sseħħ f’April tas-sena d-dieħla, mhumiex il-Maltin kollha li se jkunu qiegħdin jilqgħuh, sakemm ma jagħmilx apoloġija lill-komunità omosesswali ħalli hija wkoll tkun tista’ tilqgħu b’dirgħajha miftuħin.
Patrick Attard għalaq l-ittra tiegħu lil George Abela billi urieh ix-xewqa li Malta tkun pajjiż fejn min hu differenti mhux biss ikun ittollerat imma wkoll aċċettat.
No comments:
Post a Comment