http://www.l-orizzont.com/news.asp?newsitemid=682591.12.2010
F'deċiżjoni storika għall-persuni transesswali, il-Prim'Awla tal-Qorti Ċivili (Sede Kostituzzjonali) ilbieraħ iddeċidiet li meta d-Direttur tar-Reġistru Pubbliku rrifjuta li jippermetti transesswali tiżżewweġ lill-maħbub tagħha kien qiegħed jikser il-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem.
L-Imħallef Raymond Pace, li ppresieda l-każ imressaq minn Joanne Cassar (ritratt), saħaq li d-Direttur tar-Reġistru Pubbliku ma jistax jirrifjuta li joħroġ it-tnidijiet għaż-żwieġ tagħha ma' persuna tas-sess maskil għax għalkemm twieldet bħala raġel issa ċ-ċertifikat tat-twelid jidentifikaha bħala mara.
Cassar, li għandha 29 sena, telgħet ir-Renju Unit fejn għamlet l-operazzjoni li permezz tagħha bidlet is-sess tagħha minn raġel għal mara. Eventwalment hija talbet lill-Prim'Awla tal-Qorti Ċivili biex fiċ-ċertifikat tat-twelid is-sess tagħha jitniżżel bħala femminili u fit-28 ta' Ġunju, 2006, il-Prim'Awla tal-Qorti Ċivili ordnat lid-Direttur tar-Reġistru Pubbliku jagħmel it-tibdil mitlub fiċ-ċertifikat fosthom jibdel l-isem "Joseph" għal "Joanne". Fil-fatt it-tfajla nħarġilha ċertifikat bit-tibdil mitlub.
Madanakollu, għalkemm hi applikat biex tiżżewweġ lil dak li kien il-maħbub tagħha, id-Direttur tar-Reġistru Pubbliku rrifjuta li joħroġ it-tnidijiet taż-żwieġ u għalhekk hija talbet lill-Qorti Ċivili biex jordna lill-istess Direttur tar-Reġistru Pubbliku joħroġ it-tnidijiet għaż-żwieġ.
B'digriet tat-12 ta' Frar 2007, il-Qorti Ċivili laqgħetilha t-talba madanakollu d-Direttur tar-Reġistru Pubbliku fetaħ kawża fejn talab li dan id-digriet jiġi rrevokat. Fil-21 ta' Mejju, 2008, it-talba tad-Direttur tar-Reġistru Pubbliku kienet milqugħa fejn fiha l-Qorti Ċivili sostniet li t-talba ta' Cassar biex tiżżewweġ persuna tas-sess maskil tmur kontra l-Att tal-1975, dwar iż-Żwieġ.
Cassar ħadet il-każ quddiem il-Prim'Awla tal-Qorti Ċivili (Sede Kostituzzjonali) fejn ilmentat li skont il-liġi Maltija persuna transesswali hi mċaħħda mill-possibilità li tiżżewweġ persuna ta' sess maskili anke jekk tkun għamlet l-operazzjoni msejħa 'gender reassignment' u tkun akkwistat is-sess femminili.
Min-naħa tiegħu d-Direttur tar-Reġistru Pubbliku sostna li l-Artikolu 257A tal-Kodiċi Ċivili huwa intiż biss biex persuna li tkun kisbet id-dehra ta' persuna tas-sess opposta ma tkunx imbarazzata meta tipproduċi dokumenti uffiċjali li juru xort'oħra. Skont hu, dan bl-ebda mod ma jfisser li wara l-operazzjoni l-persuna tkun akkwistat 'gender' ġdid.
Fis-sentenza tiegħu l-Imħallef Pace jsemmi fost oħrajn kif persuni transesswali għamlu diversi tentattivi quddiem il-qrati lokali u l-Qorti Ewropea biex is-sess tagħhom jiġi rikonoxxut legalment u rriżulta li dan irnexxa fuq diversi fronti fosthom fir-rigward taċ-ċertifikat tat-twelid.
Hu jgħid li minn dakinhar li ċertifikat tat-twelid jinbidel allura l-persuna għandha tiġi ikkonsidrata għall-finijiet u effetti kollha tal-liġi bħala tas-sess indikat fl-istess att ta' twelid. L-Imħallef Pace jsemmi fost oħrajn kif illum hija ċara u konsistenti l-pożizzjoni li ħadet il-Qorti Ewropea fis-sens li persuna li bidlet is-sess tagħha b'mod irriversibbli ma tistax titwaqqaf mill-Istat li tiżżewweġ persuna tas-sess oppost minn dak rikonoxxut mil-liġi.
"Dak li mhuwiex permess huwa żwieġ bejn żewġ persuni tal-istess sess u persuna li bidlet is-sess tagħha, kif provdut mil-liġi u rikonoxxuta bħala tali, għandha d-dritt li tiżżewweġ persuna tas-sess oppost għal dak minnha assunt jew akkwistat; altrimenti jekk tiġi impeduta milli tagħmel dan, hija ma tkunx tista' tiżżewweġ, għax ċertament ma tistax tiżżewweġ persuna tas-sess simili għal dak li twieldet bih għaliex b'hekk tiġi li qed tiżżewweġ persuna tal-istess sess".
Kien għalhekk li huwa laqa' t-talba ta' Cassar u ddikjara li d-Direttur tar-Reġistru Pubbliku ma jistax jirrifjuta li joħroġ it-tnidijiet taż-żwieġ tagħha ma' persuna tas-sess maskil. Fil-kawża tagħha Cassar kienet assistità mill-Avukati Josè Herrera u David Camilleri. |
No comments:
Post a Comment