Il-MGRM qal dan waqt li esprima sodisfazzjon għas-sentenza mogħtija mill-Qorti Kostituzjonali fit-30 ta' Novembru, fil-każ ta' Joanne Cassar (ritratt) kontra d-Direttur tar-Reġistru Pubbliku, fejn id-dritt għaż-żwieġ għal persuni transesswali gie rikonoxxut.
L-MGRM innota wkoll li s-sentenza tagħmel referenzi estensivi għas-sentenzi tal-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem (QEDB) fuq il-kwistjoni u l-mod ta' kif is-sentenzi evolvew tul iz-zmien.
Il-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem tgħid biċ-ċar li fatturi bijoloġiċi mhumiex l-uniċi kriterji li, skont il-ħsieb u l-prattika attwali, wieħed għandu jiddetermina is-sess ta' persuna imma li fatturi psikoloġiċi wkoll għandhom jingħataw importanza. Barra minn hekk il-Qorti Ewropeja sostniet ukoll li l-marġini li l-liġi għandha tagħti lill-Istat mhuwiex daqshekk wiesgħa li jippermetti li jiċħad dritt fundamentali bħalma huwa d-dritt ta' persuna li tiżżewweġ persuna oħra tas-sess oppost tagħha.
Filwaqt li din is-sentenza tikkostitwixxi pass 'il quddiem għal persuni trans li għaddew mit-transizzjoni kirurġika għad hemm ħafna x'isir biex id-drittijiet ta' persuni trans jiġu rrispettati bis-sħiħ.
L-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea fir-rapport ta' din is-sena dwar l-Omofobija, it-Transfobija u d-Diskriminazzjoni fuq Bażi ta' Orjentazzjoni Sesswali u Identità tal-Ġeneru ssejjaħ lill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea biex "jabolixxu d-divorzju u l-kirurġija ġenitali bħala kundizzjonijiet rekwiżiti biex issir bidla fl-annotazzjoni tas-sess jew tibdil fl-isem fuq dokumenti uffiċċjali." |
No comments:
Post a Comment