http://www.l-orizzont.com/news.asp?newsitemid=68536
11.12.2010
Id-Deputat Laburista, Evarist Bartolo, ilbieraħ ippreżenta abbozz ta' liġi biex jagħmilha aktar faċli biex persuni transġeneri jkollhom bidla fl-annotazzjoni tal-ġeneru tagħhom, mingħajr ma jkollhom għax jagħmlu proċess twil fil-Qrati. Waqt li l-Kap tal-Oppożizzjoni, Joseph Muscat ta l-approvazzjoni tiegħu lil Evarist Bartolo biex iressaq dan l-abbozz, għad mhix magħrufa x'inhi l-pożizzjoni tal-Gvern fuq dan l-abbozz. Il-Ministru għall-Edukazzjoni, Dolores Cristina f'laqgħa li kellha mal-Malta Gay Rights Movement (MGRM) qalet li se tara l-abbozz, iżda ma esprimietx il-pożizzjoni tagħha.
L-avukat li ħejja l-proposta ta' liġi, Neil Falzon, fil-konferenza stampa lbieraħ qal li "hu importanti li nenfasizzaw it-twemmin li l-ġeneru ta' persuna, bħala parti sħiħa tal-identità tagħha, m'għandux jiġi stabbilit minn terzi persuni bħal tobba, imħallfin, psikologi jew uffiċjali tal-Istat. Hu d-dritt ta' kull persuna li tiddeċiedi l-ġeneru tagħha, wara proċess serju ta' awto-identifikazzjoni".
Intqal li "qabel is-sena 2004, il-liġi Maltija ma kinitx tirregola s-sitwazzjoni ta' persuni transġeneri li xtaqu jbidd lu l-karti uffiċjali tagħhom, biex dawn jirriflettu l-ġeneru proprju tagħhom. Minħabba din is-sitwazzjoni numru ta' sentenzi mill-Qrati Maltin tennew li dan in-nuqqas fil-liġi kien jikser id-drittijiet tal-bniedem b'mod partikolari d-dritt għar-rispett tal-ħajja privata tal-persuna. Dan tennietu wkoll il-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem fi Strasbourg f'numru ta' każijiet miġjubin quddiemha."
Enfasizza li "bħala tweġiba għal dawn il-każijiet, fl-2004 saru emendi varji fil-Kodiċi Ċivili li bihom twaqqfet il-proċedura li hemm bħalissa. Skont din il-proċedura, persuni transġeneri jistgħu jiftħu kawżi l-Qorti biex jitolbu li ssir annotazzjoni fl-att tat-twelid tagħhom, liema annotazzjoni turi l-ġeneru affermat jew ġdid tagħhom, kif ukoll l-isem il-ġdid li għażlu bħala parti minn dan il-proċess. Biex tordna din l-annotazzjoni, il-Qorti trid tkun sodisfatta li l-persuna hi verament tal-ġeneru li qed tgħid li hi u li din tkun sitwazzjoni permanenti. Għal din l-evalwazzjoni, il-Qorti tinnomina perit u tordna li jsiru eżaminazzjonijiet mediċi varji".
L-Avukat Falzon qal li "għalkemm it-twaqqif ta' din il-proċedura kien pass 'il quddiem fir-rispett u ħarsien tad-drittijiet ta' persuni trans ġeneri, hemm xi elementi problematiċi u xi wħud minn dawn jistgħu jitqiesu bħala ksur tad-drittijiet fondamentali tal-bniedem, kif imħarsin fil-Kostituzzjoni Maltija kif ukoll fil-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali. Il-proċess ġudizzjarju minnu nnifsu jaf jinvolvi numru ta' spejjeż, anke minħabba l-fatt li l-liġi tgħid li l-attur – il-persuna transġenera – għandha tħallas ukoll l-ispejjeż tad-Direttur tar-Reġistru Pubbliku. Hu importanti li wieħed jenfasizza l-fatt li l-problema komuni ħafna għall-persuni transġeneri hi d-diffikultà li jsibu xogħol u li jkomplu bl-istudji tagħhom. Bħala parti mill-proċedura ġudizzjarja, il-Perit imqabbad mill-Qorti jagħmel bosta testijiet fuq il-persuna, testijiet li f'ħafna każijiet ikunu intrusivi u joffendu d-dinjità tal-persuna. Rajna wkoll li dawn it-testijiet isiru anke f'każijiet fejn il-persuna transġenera tippreżenta dokumenti mediċi u xhieda tat-tobba li jkunu għamlu l-intervent kirurġiku għat-tibdil tas-sess".
L-Avukat Falzon tenna li "problema oħra fil-liġi preżenti hi r-rekwiżit li l-persuna transġenera ma tkunx miżżewġa biex tiftaħ il-kawżi l-Qorti. Dan jiġifieri li persuni miżżewġin ikollhom bilfors l-ewwel jiftħu proċeduri għall-annullament taż-żwieġ tagħhom, pass li mhux bil-fors huma, jew il-konjuġi tagħhom, ikunu jixtiequ. Mill-aspett tad-drittijiet tal-bniedem, it-tħassir ta' żwieġ sfurzat mill-Istat iqajjem bosta ħsibijiet. F'sitwazzjonijiet fejn ikun hemm ukoll it-tfal, wieħed jista' jinzerta l-każ li ma jkunx hemm kriterji validi għall-annullament taż-żwieġ. F'dawn il-każijiet, il-persuna transġenera tibqa' f'sitwazzjoni ta' umiljazzjoni u tbatija kontinwa. Bil-proċeduri attwali, issir annotazzjoni fuq l-att tat-twelid tal-persuna, liema annotazzjoni tibqa' tidher fuq l-att oriġinali. Dan ifisser li terzi persuni jkunu jistgħu jaraw din l-annotazzjoni jekk jordnaw kopja ta' dan l-att mir-Reġistru Pubbliku. Din il-possibilità ma tħarisx biżżejjed id-dritt tar-rispett għall-ħajja privata".
Dr Falzon saħaq ukoll li "iżda l-akbar problema li hemm fil-proċedura attwali hi r-rekwiżit li persuna transġener a tkun għamlet l-intervent kirurġiku għat-tibdil tas-sess. Għalkemm dan ir-rekwiżit mhux espliċitament meħtieġ mil-liġi, mir-raġunament tal-Qrati f'dawn il-każijiet, jidher li persuna transġenera li m'għamlitx l-intervent ma tistax taċċedi għal din il-proċedura, jew aħjar, tista' taċċedi għaliha, iżda mingħajr ċans ta' suċċess. L-intervent kirurġiku għat-tibdil tas-sess mhux wieħed standard jew faċli, mhux irħis, mhux disponibbli f'Malta u ma jaqax fl-iskema nazzjonali tas-sigurtà soċjali. Għal dawn ir-raġunijiet u anke għall-fatt li hemm persuni transġeneri li sempliċiment ma jridux jagħmlu l-intervent, mhux ġust li biex persuna transġeneri tibdel id-dokumenti uffiċjali tagħha, ikollha bilfors tgħaddi minn dan l-intervent. L-impożizzjoni minn stat ta' intervent bħal dan, li jinvolvi wkoll l-isterilizzazzjoni tal-persuna u li fih bosta riskji lill-ħajja tal-persuna, hu meqjus bħala ndħil żejjed u mhux neċessarju fil-ħajja privata ta' persuni u jimponi fuq id-dinjità tagħha."
Itenni li "problema oħra li nsibu fil-proċedura tal-lum hi l-fatt li l-valur legali tal-annotazzjoni fuq l-att tat-twelid mhux ċert. Dan jiġifieri li mhux ċert jekk it-tibdil tal-ġeneru fuq l-att tat-twelid, u għalhekk fuq il-karta tal-identità, hu tibdil biss kożmetiku jew jekk hux tibdil għal kull fini ta' liġi, bħal per eżempju l-pensjoni, l-assigurazzoni privata u ż-żwieġ. Il-każ li hemm preżentament fil-Qorti jinvolvi dan il-punt".
Enfasizza li "l-proposta għall-Att dwar l-Identità tal-Ġeneru jipprova jegħleb dawn il-problemi billi jenfasizza d-drittijiet fondamentali tal-bnie dem, mingħajr ma' dawn jiksru d-drittijiet ta' ħaddieħor. Il-proposta tibdel il-proċess ġudizzjarju ma' wieħed amministrattiv li jkun miftuħ għal kull persuna transġenera. Tneħħa r-rekwiżit li l-persuna ma tkunx miżżewġa, kif ukoll ir-rekwiżit lill-persuna tkun għamlet l-intervent kirurġiku għat-tibdil tas-sess. L-interessi tat-tfal potenzjali tal-persuni transġeneri huma mħarsin billi l-proposta tgħid li t-tibdil tal-ġeneru ma jaffettwax l-obbligi li ħerġin mill-istat ta' ġenitur, dan il-prinċipju ttieħed mil-liġi preżenti. Biex titħares b'mod aktar effettiv il-privatezza tal-informazzjoni dwar il-ġeneru tal-persuna, il-proposta tinkludi t-twaqqif ta' Reġistru ta' Persuni Transġeneri – li jkun reġistru sigriet u jaħdem bl-istess mod tar-reġistru tal-persuni adottati li hu wkoll reġistru sigriet. L-idea hi li l-proposta ma toħloqx piżijiet legali u amministrattivi żejda u għalhekk tinkorpora sistema li diġà teżisti fil-liġi Maltija".
L-Avukat Falzon, qal ukoll li "l-għan tal-proposta hu li jitħarsu b'mod aktar effettiv id-drittijiet tal-persuni transġeneri. Bħala membri tas-soċjetà tagħna, huma intitolati għall-istess livell ta' tgawdija ta' drittjiet u ta' rispett tad-dinjità tagħhom. Ir-rikonoxximent legali tal-ġeneru ta' persuna, jekk hu l-ġeneru assenjat fit-twelid jew ġeneru ieħor, huwa proċess neċessarju għal ħajja dinjituża".
No comments:
Post a Comment