Monday, 20 December 2010

It-Torċa: Tliet deċiżjonijiet, tliet prositijiet

http://www.it-torca.com/news.asp?newsitemid=10737
5.12.2010 minn Charles Flores

Ahna tal-Midja ta' sikwit inkunu pronti biex nikkritikaw u nikkummentaw fuq deċiżjonijiet tal-Qrati Maltin li jidhrilna jkunu ħżiena jew im-sejsa fuq raġunament lil hinn minn ġustizzja vera. Nemmen li dan hu jedd tal-ġurnalist sakemm huwa jagħraf li l-kritika tiegħu tkun qiegħda ssir bil-ġenwinità kollha meħ-tieġa fis-servizz li jixtieq jagħti lill-qarrejja, semmiegħa u telespettaturi tiegħu.

F'pajjiż fejn ir-rispett lejn il-proċess demokratiku u l-jeddijiet tal-midja m'humiex rispettati, jekk mhux ukoll abbużati, ħwejjeġ bħal dawn qajla jiġru. M'għandniex għal-xiex immorru lura s-sekli jew inħarsu lejn pajjiżi oħra bħall-Iran, is-Sawdi Arabja u ċ-Ċina. Nafu biżżejjed li fis-snin ta' qabel il-gwerra li għaddiet u anki fl-aħħar tas-Snin 50 hawn Malta taħt l-Ingliżi kellna każi

ta' ġurnalisti (u awturi) li nxteħtu l-ħabs għax ħaddmu d-dritt tal-espressjoni permezz tal-professjoni tagħhom.

Il-midja Maltija żviluppat b'mod li llum ħadd fil-kuriduri tal-ġustizzja ma jitnaffar meta jara ġurnalisti, opinjonisti, edituri u kelliema fi programmi ta' attwalità jagħtu l-fehma tagħhom fuq deċiżjonijiet u sentenzi li jkunu saħansitra qanqlu l-għadab tal-pub-

bliku. Din hi sitwazzjoni pożittiva li turi li, minkejja kollox u minkejja kemm inħossuna lura fi ħwejjeġ oħra meta mqabbla ma' pajjiżi bħalna mseħbin fl-Unjoni Ewropea, immaturajna sewwa bħala nazzjon.

Naturalment ħadd m'għan-du jistenna li, fejn jidħlu esaġerazzjonijiet, tgħajjir u tfigħ tat-tajn li jkollu l-għan biss li jħammeġ, il-Qrati għandhom jibqgħu b'għajnejhom magħlu-qin u idejhom marbuta. Hemm sens ta' diċenza professjonali li jrid ikun rispettat mhux biss mill-midja iżda anki minn min jirrikorri għaliha biex jagħmel xi kritika ta' deċiżjonijiet fil-qasam tal-ġustizzja.

Fil-jiem li għaddew fil-Qrati Maltin kien hemm tliet deċiżjonijiet li bla dubju jixirqilhom il-prosit ta' kulħadd. Fihom intweriet ir-rieda tajba li finalment ikun rikonoxxut l-iżvilupp li għamlu l-pajjiż u s-soċjetà tagħna f'dawk li huma stil ta' ħajja u l-għarfien ta' jeddijiet tal-minoranzi u tal-annimali.

• PROSIT: Kienet ħelwa l-istorja tal-Imħallef Lawrence Quintano li għażel li jirrikorri għal poeżija sabiħa ta' Pablo Neruda meta kien qed jidde-ċiedi dwar każ ta' annimal li safa mtajjar u maqtul minn karozza. Lil hinn mill-verdett tiegħu, ħarġet ċara t-tagħlima li xtaq jagħti permezz tal-Qorti b'rikonoxximent tal-jeddijiet tal-annimali u l-imħabba li għandu jkollna lejhom.

• PROSIT: Lill-Imħallef Ray Pace li għaraf il-jedd għal kumpens xieraq u, aktar importanti, in-nuqqas ta' ġustizzja li saret mal-familja Grech wara li aktar minn 30 sena ilu kienet tilfet lil bintha Karen permezz ta' ittra-bomba intenzjonata għal missierha, il-Prof Edwin Grech, talli kien qed jagħti servizz lill-poplu Malti fl-isptar tal-Gvern waqt strajk tat-tobba. Min kien ilu jittutiba, bla dubju politika-ment, dan iż-żmien kollu ħaqqu jmur jinħeba x'imkien bil-mistħija.

PROSIT: Lill-istess imħallef għad-deċiżjoni tiegħu f'isem il-Qorti Kostituzzjonali li jirrikonoxxi l-jedd uman ta' Joanne Cassar, mara transesswali bid-doni tad-determinazzjoni u l-kuraġġ, li tiżżewweġ lill-maħbub tagħha, biex hekk ir-Reġistratur taż-Żwiġijiet issa m'għandux aktar jagħmel oġġezzjoni għal dan il-pass daqstant importanti li tixtieq tagħmel f'ħajjitha.

Tliet deċiżjonijiet li juru li qegħdin nikbru u nifhmu aktar lilna nfunsa bħala soċjetà li trid tinqata' mill-għanqbut tal-passat u tħares 'il quddiem. Il-Qrati għad jibqgħu jkunu għajn ta' frustrazzjoni minħabba dewmien esaġerat fil-proċess tas-smiegħ u sentenzi li jistgħu jidhru dgħajfin wisq jew ħorox wisq, iżda meta tgħaddi minn fuqhom żiffa ħelwa bħalma kellna f'dawn il-jiem, nagħmlu sew nirrikonoxxuha.

No comments:

Post a Comment