Monday, 13 December 2010

L-Orizzont: Il-PE jrid ir-rikonoxximent ta' żwiġijiet bejn koppji tal-istess sess

http://www.l-orizzont.com/news.asp?newsitemid=68095
25.11.2010 minn Sammy Sammut

Il-Parlament Ewropew affer­ma li l-effetti ta' dokumenti ċi­vili – bħal ċertifikati tat-twe­lid u tal-mewt, ċertifikati taż-żwieġ, eċċ – għandhom jib­qgħu l-istess fl-Unjoni Ewropea kollha. Dan ifisser li l-kopp­ji kollha, inklużi dawk tal-istess sess li jkunu miżżew­ġin jew fi sħubija ċivili, għand­hom jibqgħu jżommu d-drittijiet tagħhom fl-Istati Membri kollha tal-UE.

Għalkemm fil-preżent hemm Stati Membri li jippermettu żwiġijiet bejn koppji tal-istess sess jew jirrikonoxxu d-drittijiet ċivili ta' koppji si­mi­li li jkunu fi sħubija ċivili, koppji tal-istess sess mhumiex iggarantiti li jżommu d-drittijiet li jagħtihom iż-żwieġ jew is-sħubija ċivili tagħhom meta jkunu qegħdin jivvjaġġaw fl-Unjoni Ewropea.

F'rapport li approva dwar as­petti tad-dritt ċivili, tad-dritt kummerċjali, tad-dritt tal-familja u tad-dritt inter­nazz­jonali privat, il-Parlament Ewropew "laqa' l-isforzi tal-Kum­missjoni biex tagħti liċ-ċittadini s-setgħa li jeżerċitaw id-drittijiet ta' moviment ħie­les tagħhom u jappoġġja bil-qawwa l-pjani li jippermettu r-rikonoxximent reċiproku tal-effetti tad-dokumenti ta' status ċivili" waqt li "jisħaq il-ħtieġa li jkun żgurat ir-rikonox­ximent reċiproku" ta' dawn id-dokumenti mill-Istati Mem­bri tal-Unjoni Ewropea.

Dan ifisser ir-rikonoxximent tal-effetti tas-sħubija ċi­vili u taż-żwiġijiet kollha meta ċittadini jmorru minn stat għal ieħor fl-Unjoni Ewropea. Ifisser ukoll li wara dan il-vot, il-Kummissjoni Ewropea tipp­roponi modi li jwasslu biex fl-UE kollha jkun hemm ir-rikonoxximent reċiproku tas-sħubija ċivili u ż-żwiġijiet kollha.

L-Ewroparlamentari Michael Cashman, wieħed mill-Presidenti tal-Intergroup tal-Parlament Ewropew dwar id-Drittijiet LGBT, spjega li dan il-vot isegwi dak li saħqet fuqu l-Kummissjoni Ewropea f'Set­tem­bru li għadda, jiġifieri li d-drittijiet ta' moviment ħie­les għandhom ikunu garantiti liċ-ċittadini kollha, irrispettiva­ment mill-orjentazzjoni sesswali tagħhom.

Hu kompla jgħid li "mhux minnu li r-rikonoxximent re­ċip­roku 'jimmina s-sovranità nazzjonali' għax fil-fatt dan ma jaffettwax il-liġijiet nazzjo­nali dwar iż-żwieġ jew is-sħubija ċivili, iżda sempliċiment jirrikonoxxi li tali sħubija ċi­vili teżisti."

"Dan hu żvilupp kbir u importanti għal ħafna koppji u fa­milji li jaraw id-drittijiet fun­damentali tagħhom jitnaqqsu kull jum li jaqsmu fruntiera fi ħdan l-UE. Dan hu vot għall-ugwaljanza: kulħadd għandu jżomm id-drittijiet eżistenti tiegħu meta jkun qiegħed jivv­jaġġa fl-Unjoni Ewropea," qal l-Ewroparlamentari Ulrike Lunacek, li wkoll huwa President tal-Intergroup tal-Parlament Ew­ropew dwar id-Drittijiet LGBT.

Mhux tal-istess fehma kie­nu l-gruppi konservattivi li taw parir u ħadmu biex din il-parti tar-rapport ma tkunx app­­rovata għax saħqu li hemm il-periklu li din timmina s-sovranità nazzjonali.
Osservaturi spjegaw li din il-miżura għandha tkompli ssaħ­ħaħ l-universalità tad-drit­tijiet fundamentali għar-residenti tal-Unjoni Ewropea lil hinn mill-fruntieri tal-UE. Din il-miżura ma tbiddilx il-liġijiet nazzjonali dwar is-sħubija ċivili, li tibqa' prerogattiva nazzjonali.

No comments:

Post a Comment