Cassar, li llum għandha 29 sena, xi snin ilu kienet għamlet operazzjoni kirurġika l-Ingilterra magħrufa bħala 'gender reassignment' u b'hekk assumiet is-sess femminili b'mod irriversibbli. Wara li bidlet is-sess tagħha minn raġel għal mara, hija kienet fetħet kawża li biha rebħet id-dritt biex kemm fuq il-Karta tal-Identità kif ukoll fuq iċ-ċeritifkat tat-twelid sar it-tibdil neċessarju li jirriffletti l-partikolaritajiet dwar is-sess ġdid tagħha u anke l-isem li ħadet ta' mara. Is-sentenza kienet ingħatat mill-Prim Awla tal-Qorti Ċivili fit-28 ta' Ġunju tal-2006.
Hija mbagħad kienet applikat biex tiżżewweġ lir-raġel li dak iż-żmien kien il-maħbub tagħha, iżda d-Direttur tar-Reġistru Pubbliku rrifjuta li joħroġ it-tnidijiet taż-żwieġ. Ir-raġuni li ngħatat kienet li hija ma tikkwalifikax biex tiżżewweġ minħabba li f'dan ir-rigward tibqa' kkonsidrata bħala raġel.
Kif jipprovdi l-Att dwar iż-Żwieġ, Cassar kienet ħadet il-każ quddiem il-Qorti Ċivili – Sezzjoni ta' Ġurisdizzjoni Volontarja fejn ikkontestat id-deċiżjoni tad-Direttur tar-Reġistru Pubbliku. B'digriet li ngħata fit-12 ta' Frar 2007, il-Qorti ta' Ġurisdizzjoni Volontarja kienet iddikjarat li ż-żwieġ bejn il-koppja seta' jiġi kkuntrattat għax ma jmurx kontra l-provvedimenti tal-Kaptilu 255 tal-liġijiet ta' Malta u lanqas ma huwa kontra l-ordni pubbliku peress li ż-żwieġ kien se jsir bejn żewġ persuni ta' sess differenti.
Madanakollu d-Direttur tar-Reġistru Pubbliku baqa' jirrifjuta li joħroġ it-tnidijiet taż-żwieġ u fetaħ kawża fejn talab li dan id-digriet jiġi rrevokat. Fil-21 ta' Mejju 2008 it-talba tiegħu kienet ġiet milqugħa mill-Qorti Ċivili fejn din sostniet li t-talba ta' Cassar biex tiżżewweġ persuna tas-sess maskil tmur kontra l-Att tal-1975 dwar iż-Żwieġ.
Dan wassal biex Cassar imbagħad ħadet il-każ quddiem il-Prim'Awla tal-Qorti Ċivili (Sede Kostituzzjonali) fejn għal darba oħra ngħatat raġun, tant li b'din l-aħħar deċiżjoni ġie ddikjarat li l-aġir mill-awtoritajiet fil-konfront tagħha qed jikser il-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem. Fis-sentenza li ngħatat fl-aħħar ta' Novembru li għadda ntqal li minn dak inhar li ċertifikat tat-twelid jinbidel allura l-persuna għandha tiġi kkonsidrata għall-finijiet u effetti kollha tal-liġi bħala tas-sess indikat fl-istess att ta' twelid.
Il-Qorti żeidet tgħid li llum hija ċara u konsistenti l-pożizzjoni li ħadet il-Qorti Ewropea fis-sens li persuna li bidlet is-sess tagħha b'mod irriversibbli ma tistax titwaqqaf mill-Istat li tiżżewweġ persuna tas-sess oppost minn dak rikonoxxut mil-liġi.
Minkejja dan, fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet reġa' sar appell mill-awtoritajiet fejn fost affarijiet oħrajn baqa' jiġi sostnut li l-Artiklu 257A tal-Kodiċi Ċivili huwa intiż biss biex persuna li tkun kisbet id-dehra ta' persuna tas-sess oppost ma tkunx imbarazzata meta tipproduċi dokumenti uffiċjali li juru xort'oħra. Għalhekk, dan bl-ebda mod ma jfisser li wara l-operazzjoni l-persuna transesswali tkun akkwistat 'gender' ġdid.
Xi ħaġa sorprendenti hija li l-awtoritajiet issa qegħdin iqajmu l-punt dwar il-fatt li Cassar illlum ma għadhiex iżjed f'relazzjoni mar-raġel li kienet se tiżżewweġ. Fil-fatt saret insistenza li n-nuqqas ta' prova dwar l-istat attwali tagħha jekk effettivament tinsabx preżentament f'relazzjoni ma' persuna ta' sess maskili, irrendi dawn il-proċeduri ta' natura straordinarja ġew biss proposti sempliċiment bħala eżerċizzju akkademiku.
Għadha qed issir insistenza wkoll li dak li qed issir riferenza għalih bħala "żwieġ" imur kontra l-prinċipju ta' ordni pubbliku assodat fis-sistema legali Maltija fis-sens li żwieġ jsita' jsir biss bejn żewġ persuni ta' sess oppost. L-awtoritajiet isostnu li mill-provi jirriżulta li Cassar hija biss 'phenotypically' mara, jiġifieri għandha biss is-sura esterjuri ta' mara iżda l-organi bħalma hi l-prostata, li hija waħda mid-differenzi bażiċi bejn raġel u mara, għadha preżenti fiha u għalhekk taħt il-liġi Maltija taż-żwieġ hija qatt ma tista' tiġi kkunsidrata bħala mara li tista' tikkontratta żwieġ ma' raġel ieħor.
Ikomplu jisħqu li l-Artiklu 12 tal-Konvenzjoni Ewropea ma jistax jiġi interpretat li jagħti 'carte blanche' biex persuna ta' età taż-żwieġ tikkuntratta żwieġ, anke jekk dan imur kontra l-ordni pubbliku tal-Istat, f'liema każ l-Istat huwa ġustifikat li jiċħad talba biex jiġi kkuntrattat tali żwieġ.
B'referenza għall-fatt li l-Qorti Ċivili (Sede Kostituzzjonali) bbażat parti sostanzjali mid-deċiżjoni tagħha fuq id-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea fil-każ "Christine Goodwin vs The United Kingdom", l-awtoritajiet qalu li ma jistax jingħad li fid-dritt Malti u fis-sistema ġuridiku u Kostituzzjonali Malti, b'differenza ta' dak Ingliż, saru xi tibdiliet kbar fl-istituzzjoni taż-żwieġ li jipprospettaw iż-żwieġ anke bejn persuni tal-istess sess.
Dan l-argument qed jagħmluh b'rabta mal-insisteza tagħhom li Cassar ħadet biss is-sura esterjuri ta' mara, iżda l-organi interni li jiddistingwu raġel minn mara għadhom preżenti.
Żiedu jgħidu wkoll li r-regolament tal-istituzzjoni taż-żwieġ hija wkoll ħaġa li taqa' fil-poteri u fid-diskrezzjoni tal-Istati firmatarji tal-Konvenzjoni Ewropea, u li l-Konvenzjoni ċertament ma tobbliga lil ebda Stat li jirrikonoxxi żwieġ li jmur kontra l-ordni pubbliku tiegħu.
"Iż-żwieġ f'Malta huwa kuntratt ta' natura 'sui generis' u ta' ordni pubbliku.
Dan il-kuntratt jista' jiġi konkluż biss bejn żewġ persuni ta' sess oppost u dan irid jirriżulta mill-istruttura kemm esterjuri u kemm anatomika, gonadali u kromosomika opposta.
Kull interpretazzjoni differenti twassal għal żwieġ bejn żewġ persuni tal-istess sess li ċertament hija dijametrikament opposta għall-ordni pubbliku Malti", temm jgħid ir-rikors kostituzzjonali ppreżentat mill-Avukat Ġenerali.
Fit-tweġiba tagħhom għal din il-kontestazzjoni li reġgħet saret mill-awtoritajiet dwar id-deċiżijoni ta' Novembru li għadda, l-avukati ta' Cassar isostnu li r-raġunament tal-Qorti Ċivili (Sede Kostituzzjonali) kien fis-sens li l-fatt li l-Istat Malti ma jirrikonoxxix lit-transesswali bħala persuni tas-sess assunt u ma jipprovdix għall-bdil tad-dokumenti relattivi, dan imur kontra d-dispożizzjonijiet tal-Artiklu 8 tal-Konvenzjoni Ewropea. Dan ġie stabbilit f'diversi sentenzi anke tal-qrati tagħna fil-kompetenza tagħhom kostituzzjonali.
Il-Qorti mbagħad kompliet tikkummenta fis-sens li kien minħabba f'dawn is-sentenzi li ppronunzjaw ruħhom fis-sens li hemm ksur ta' tali dritt li ġew introdotti l-emendi tal-artiklu 257A tal-Kodiċi Ċivili. Għalhekk ikkonkludiet li wieħed ma jistax jargumenta li dawn l-emendi saru biss għall-fini ta' protezzjoni ta' privatezza. B'effett ta' dawn l-emendi, u wara s-sentenzi inkwistjoni, l-Istat ma setax ħlief jirrikonoxxi wkoll il-bdil fis-sess bil-konsegwenzi legali kollha li dan iġib miegħu.
Dwar il-fatt li l-Qorti bbażat id-deċiżjoni tagħha fuq dik tal-Qorti Ewropea fil-każ "Goodwin vs UK", intqal li għalkemm l-Istat Malti m'għamel xejn biex jawtorizza u jipprovdi t-trattament jew l-operazzjoni ta' 'gender reassignment', iżda b'effett tal-artiklu 257A tal-Kap. 16 irrikonoxxa l-effetti ta' tali operazzjoni.
Għalhekk b'dik is-sentenza diġà għandna dikjarazzjoni li l-Artiklu 8 mhuwiex sodisfatt b'sempliċi provvedimentli tiġi protetta l-privatezza tal-persuna konċernata bi bdil ta' dokumenti però issa l-idea hi li l-Istat m'għadux ġustifikat li jieqaf hemm. Irid ukoll jirrikonoxxi tali persuna bħala persuna tas-sess assunt għall-finijiet u effetti kollha tal-liġi.
Dwar il-punt li tqajjem issa minħabba l-istat attwali tal-klijenta tagħhom, l-avukati ta' Cassar jisħqu li huwa irrelevanti jekk fil-preżent din hijiex f'relazzjoni, għax il-pożizzjoni tal-Istat għar-rigward l-implikazzjonijiet legali ta' nies transesswali ma nbidlitx.
Huwa evidenti mill-kontestazzjoni tal-awtoritajiet li qegħdin jiċħdu lil persuni transesswali mill-possibilità ta' żwieġ fuq bażi ta' prinċipju u mhux fuq bażi personali skont iċ-ċirkostanzi. Għalhekk l-eżistenza jew le ta' relazzjoni hija irrelevanti.
Sostnew li dak li tgħid is-sentenza tal-Qorti Ewropea huwa li hemm bżonn bdil fil-ħsieb tenut kont kemm l-iżviluppi fl-istatut taż-żwieġ kif ukoll tenut kont l-iżviluppi fil-mediċina u x-xjenza għal dak li jirrigwardja t-transesswali.
Huwa fid-dawl ta' dawn il-konsiderazzjonijiet kollha li l-Qorti Ewropea deherilha li kien hemm lok għal żvilupp, u għalhekk huwa irrelevanti jekk l-idea ta' żwieġ hawn Malta inbidilx jew baqax l-istess tul iż-żmien.
Saret referenza wkoll għall-fatt li l-Qorti anke kkummentat li l-Artiklu 9 taċ-Charter tal-Unjoni Ewropea dwar id-Dirttijiet tal-Bniedem tiddepartixxi, bi skop, mid-diċitura tal-artiklu 12 tal-Konvenzjoni fis-sens li tneħħi r-referenza għal "raġel" u "mara".
L-Oppozizzjoni ddizappuntata
Min-naħa tagħha, l-Oppożizzjoni esprimiet diżappunt għall-kotestazzjoni li għadha qed issir mill-awtoritajiet fejn jidħlu drittijiet ta' persuni transesswali, u saħqet li dan juri kemm hemm bżonn li l-Parlament jgħaddi liġi li titratta dawn it-tip ta' sitwazzjonijiet mingħajr aktar preġudizzji u diskriminazzjoni.
Dan kien iddikjarat fi stqarrija li nħarġet mill-Kelliemi Laburista għad-Djalogu Soċjali u Drittijiet ta' Minoranzi, Gino Cauchi, li spjega li tali liġi għandha tkun ċara u li tevita kull ta' miżinterpretazzjoni mill-persuni li jokkupaw karigi, liema karigi jimpinġu fuq drittijiet ċivili li l-Istat għandu jiggarantixxi għal kull ċittadin Malti u Għawdxi.
Huwa qal li d-deċiżjoni tal-Qorti li tat id-dritt lill-persuni transesswali li jiżżewġu hija konformi mal-liġijiet Ewropej u ma' diversi deċiżjonijiet li ttieħdu mill-Qorti Ewropea fejn jidħlu d-drittijiet tal-bniedem. Saħaq li għaldaqstant, ma jistax ikun li f'dan il-pajjiż nibqgħu mexjin b'sistema li fejn ikun jaqbel lill-awtoritajiet jipprevalu l-liġijiet Ewropej, iżda meta jkun hemm individwi li jitolbu rimedju għal drittijiet li jkunu qed jiġu mċaħħdin lilhom mill-Istat, il-liġijiet Ewropej jitwarrbu fil-ġenb. Il-Kelliemi tal-Oppożizzjoni żied jirrimarka li wieħed jispera li l-appell li sar mill-Avukat Ġenerali f'isem l-Istat mhux riżultat ta' pressjoni minn forzi konservattivi, li qegħdin jopponu li jingħataw drittijiet kif jiġri f'pajjiżi oħrajn Ewropej minħabba l-ideat personali tagħhom.
L-AD: pajjizna qisu l-"presepju tal-Ewropa"
Diżappunt simili esprimietu wkoll l-Alternattiva Demokratika li filwaqt li sejħet id-deċiżjoni tal-awtoritajiet bħala waħda insensittiva u tal-mistħija, saħqet li Gvern demokratiku u responsabbli għandu dejjem jipproteġi d-drittijiet ċivili mingħajr ma jeskludi lill-ebda minoranza.
Iċ-Ċerpersin tal-AD, Michael Briguglio, qal li l-Qorti Ċivili (Sede Kostituzzjonali) ġustament ibbażat id-deċiżjoni tagħha fuq iċ-Charter tal-UE dwar id-drittijiet tal-bniedem.
Żied jirrimarka li dan juri li, għal darb'oħra, qiegħda terfa' rasha l-ideoloġija konfessjonali imħaddna mill-istituzzjonijiet tal-Istat u dan juri l-ħtieġa għal aktar solidarjetà mal-moviment LGBT biex pajjiża ma jibqax qisu l-"presepju tal-Ewropa". |
No comments:
Post a Comment