http://www.orizzont.com.mt/FullArticle.php?ID1='Ahbarijiet'&ID2=85763
29.1.2012 (?) minn Charmaine Craus
Il-General Workers' Union ikkundannat bla riserva kull vjolenza hi ta' liema forma hi. Aktar u aktar tikkundanna vjolenza li tkun relatata ma' mibegħda razzjali, orjentazzjoni sesswali jew xorta oħra.
F'dan il-kuntest u b'dan il-ħsieb, il-GWU ngħaqdet ma' dawk l-organizzazzjonijiet kollha li qegħdin jinsistu biex il-mibgħeda fuq orjentazzjoni sesswali tiġi ddikjarata reat kriminali fil-liġijiet ta' pajjiżna.
Saħqet li l-aħħar każ ta' vjolenza li seħħ fuq koppja leżbjana sempliċiment minħabba l-orjentazzjoni sesswali tagħha, mhux biss huwa ksur tad-drittijiet tal-bniedem imma jixhed ukoll l-urġenza kbira li teżisti għal tibdil meħtieġ fil-liġi biex kull ċittadin ikollu moħħu mistrieħ mill-protezzjoni għall-persuna tiegħu, hi x'inhi l-orjentazzjoni sesswali tiegħu.
Il-GWU tqis li l-orjentazzjoni sesswali m'għandhiex tkun skop jew skuża għal vjolenza jew diskriminazzjoni, anzi l-orjentazzjoni sesswali għandha tkun aċċettata bla ekwivoku ħalli s-soċjetà tkun verament waħda inklussiva u moderna, aktar u aktar meta pajjiżna llum jiftaħar li huwa demokratiku u Ewropew.
Għaldaqstant il-GWU esprimiet is-solidarjetà tagħha ma' dawk kollha li b'xi mod qegħdin isofru minħabba l-orjentazzjoni sesswali tagħhom. Fl-istess waqt ingħaqdet mal-organizzazzjonijiet mhux governattivi fl-għajta tagħhom għar-rispett u l-ħarsien tad-drittijiet tal-minoranzi.
Il-GWU tistqarr dan fid-dawl tat-twemmin tagħha illi kull persuna titwieled ħielsa u bl-istess drittijiet u dinjità. Dan it-twemmin tagħha l-GWU kienet għamlitu ċar f''policy paper' li adottat ftit żmien ilu li fiha esprimiet li d-dritt ta' kull persuna li tgħix ħielsa irrispettivament mill-orjentazzjoni sesswali tagħha huwa dritt inaljenabbli u għandu jkun rispettat il-ħin kollu.
Għaldaqstant il-GWU saħqet mal-awtoritajiet biex jassiguraw li d-drittijiet tal-minoranzi jkunu protetti bil-liġi daqs u xejn inqas mill-kumplament tas-soċjetà.
Sadanittant, nhar il-Ħamis, il-Malta Gay Rights Movement (MGRM) organizza dimostrazzjoni paċifika fil-Ħamrun b'solidarjetà mat-tfajla ta' 16-il sena li kienet attakkata fl-istess lokalità minn żewġt aħwa għax hija 'gay'.
Waqt li appella għal soċjetà iktar inklussiva, l-MGRM qiegħed jinsisti li l-liġi dwar il-mibegħda tieħu konsiderazzjoni wkoll ta' attakki li jsiru kontra persuni minħabba l-orjentazzjoni sesswali tagħhom.
No comments:
Post a Comment