Saturday, 21 January 2012

L-Orizzont: L-MGRM determinata li tkompli bl-isforzi tagħha - "Dejjem għexna bis-sigriet"

http://www.orizzont.com.mt/FullArticle.php?ID1='Ahbarijiet'&ID2=85252
14.1.12 minn Charmaine Craus

L-MGRM (Malta Gay Rights Movement) hija determinata li tkompli bl-isforzi tagħha, anke jekk dawn jieħdu x-xhur u s-snin, biex tikseb l-għan li qiegħda taħdem għalih, jiġifieri li l-awtoritajiet jirrikonoxxu r-relazzjoni ta' mħabba li teżisti bejn koppji tal-istess.

L-MGRM ilha tissielet għar-rikonoxximent legali ta' koppji tal-istess sess u l-familji tagħhom sa mit-twaqqif tagħ­ha, fl-2001.

Gabi Calleja, il-kordinatriċi tal-MGRM qalet li matul l-aħħar għaxar snin, il-Moviment ħadem ħafna biex titqajjem kuxjenza dwar preduġizzji omofobiċi u transfobiċi li jaffetwaw il-ħajja ta' kuljum ta' din il-komunità u li jagħmilha iktar diffiċli li jħossuhom komdi biex jesprimu ġesti sempliċi ta' affezzjoni lejn il-maħbubin tagħhom. Minkejja li l-MGRM dejjem emmen li din kienet kawża ġusta, kien jaf li se tkun taqbida twila u diffiċli.

"Żammejna r-rabtiet tagħ­ha ta' ġenituri mat-tfal tagħna sigrieta biex inħarsuhom mill-fastidju u 'bullying', kon­na diskreti dwar l-identitajiet tagħna biex nevitaw dieqa lill-ġenituri tagħna u eżerċitajna l-prudenza fuq il-post tax-xogħol jew l-iskola minħabba l-biża' ta' fastidju jew diskriminazzjoni."

Hija qalet dan matul konferenza tal-aħbarijiet li matulha tnediet 'position paper', li hija tentattiv biex tesprimi t-twemmin tal-MGRM, li l-ugwaljanza fiż-żwieġ hija l-unika għażla li tipprovdi l-istess status u drittijiet ta' dawk li jgawdu koppji tas-sess oppost u t-tfal tagħhom.

Calleja esprimiet it-tama tagħha li l-'position paper' li tħejjiet mill-konsulent legali Dr Neil Falzon, mgħejjun mir-riċerkatriċi Carla Camilleri, tagħti lok għal dibattitu raġunat u tant meħtieġ li jirrispetta r-relazzjonijiet ta' persuni tal-istess sess, ibbażat fuq diskors sekulari u ffukat fuq id-drittijiet tal-bniedem u mhux diskors reliġjuż biss.

L-orizzont staqsa lil Gabi Calleja dwar il-fatt li l-liġi tal-koabitazzjoni għadha ma daħlitx fis-seħħ, minkejja li l-wegħda tal-Gvern kienet li din kellha tidħol fis-seħħ sal-aħħar tas-sena li għaddiet.

Gabi Calleja qalet li peress li l-MGRM mhijiex daqstant favur il-liġi tal-koabitazzjoni, aktar milli xtaqet li tiġi ppubblikata għax favuriha, xtaqet tkun taf x'se tinkludi u teskludi bħala drittijiet u obbligi, għal min se tapplika u kemm se tkun estensiva bħala protezzjoni għal koppji tal-istess sess

"Nixtiequ li jkun hemm forma ta' rikonoxximent għal koppji tal-istess sess, iżda l-koabitazzjoni hija l-inqas waħda li nkunu kuntenti biha," żiedet tgħid Gabi Calleja lil l-orizzont. Hija qalet li l-liġi toffri ċertu protezzjoni għal persuni li jgħixu flimkien, iżda ma tirrikonoxxix ir-relazzjoni ta' bejniethom. Tirrikonoxxi biss il-fatt li qed jgħixu flimkien.

"Għalina dik mhux iżjed aċċettabbli. Aħna rridu rikonoxximent ta' koppja bħala koppja, jiġifieri tar-relazzjoni ta' mħabba li hemm bejniethom. Id-diskriminazz­joni fil-konfront tagħna m'għad­hiex iżjed aċċettabli fid-dinja tal-lum u aħna mhux se nwaqqfu l-isforzi tagħna biex xi darba nilħqu l-għan li qegħdin naħdmu għalih."
Dr Neil Falzon qal li r-rapport huwa riċerka u analiżi dwar żwiġijiet ċivili u ma jitkellimx dwar żwiġijiet li saru bil-Knisja, u għalhekk mhuwiex indirizzat biex l-awtoritajiet tal-Knisja jagħmlu xi tibdiliet, iżda lejn il-liġi Maltija.
L-MGRM nediet ukoll il-websajt il-ġdida tagħha www.maltagayrights.org.

No comments:

Post a Comment