http://www.orizzont.com.mt/FullArticle.php?ID1='Ahbarijiet'&ID2=83908
8.12.2011 minn Justin Fenech
“Għalkemm l-għarfien qed jiżdied u jidher li ż-żgħażagħ LGBT qegħdin jaslu għal ‘Coming Out’ f’etajiet dejjem iżgħar, dan ma jfissirx li tkun gay saret realtà faċli,” qalet Gabriela Calleja kordinatriċi tal-Malta Gay Rights Movement. Dan qalitu waqt konferenza stampa tat-tnedija ta’ kampanja ġdida biex tqajjem kuxjenza dwar id-drittijiet ta’ studenti omosesswali u transesswali fl-iskejjel tagħna.
Din il-kampanja, “Think Before You Speak”, hi mmirata biex tqajjem aktar għarfien dwar il-ħsara tal-lingwaġġ u ‘bullying’ omofobiku u transfobiku. Għal dan il-għan se jinħarġu ‘posters’ informattivi kif ukoll filmati li se jidhru ‘online’. Il-kliem ta’ dawn il-filmati qosra nkitbu mill-awtur Pierre Mejlak.
Il-filmati se jindirizzaw bosta problemi. Fosthom it-twaqqif tal-‘bullying’, ieħor indirizzat lejn żgħażagħ LGBT li minħabba nuqqas ta’ aċċettazzjoni jkunu qegħdin jikkontemplaw jagħmlu ħsara lilhom nfushom, u anke filmati mmirati għall-ġenituri ta’ żgħażagħ LGBT biex jaċċettaw u jgħinu lil uliedhom.
Il-fondi għal din il-kampanja ġejjin mingħand l-għaqda Voices Foundation, li qiegħda tipprovdi mad-€9,000 għall-kampanja, li se tkompli matul din is-sena skolastika.
Calleja qalet li l-kurrikulu ġdid li ħareġ, (National Curriculum Framework) li hu mmirat lejn id-diversità, ma jsemmi xejn dwar il-komunità LGBT.
Hi kompliet tgħid li l-MGRM indirizzat proposta lill-Ministeru tal-Edukazzjoni dwar dan, proposta li tinkludi 14-il suġġeriment, però s’issa kulma rċivew kienet biss ‘acknowledgement letter’ lura.
Preżenti wkoll fil-konferenza stampa kien hemm Anthony Gerrard mid-Dragma Parents grupp. Din hi għaqda ta’ natura Kattolika li tgħin ġenituri li għandhom tfal omosesswali jew transesswali.
No comments:
Post a Comment