Saturday, 18 June 2011

L-Orizzont: Ittra għand l-Isqfijiet Maltin dwar il-vjolenza fuq il-'gays'

[Dan l-artiklu mhux online s'issa.]
15.6.2011

L-għaqda Drachma LGBT u Drachma Parents Group, għaddew ittra lill-Isqfijiet ta' Malta u Għawdex dwar il-vjolenza fuq persuni omosesswali. Din l-ittra inkitbet mill-'European Forum of Lesbian, Gay, Bisexual and Transgender Christian Groups' lill-Papa Benedittu XVI, u fiha talbu li jkun hemm rispett sħiħ lejn id-drittijiet umani u l-integrità ta' dawn il-persuni. Din l-ittra kienet ippreżentata waqt attività imsejħa Europride 2011, li qed issir f'Ruma.

L-ittra tgħid li "qegħdin nappellaw lill-Qdusija tiegħu l-Papa Benedittu XVI biex jikkundanna l-atti ta' vjolenza kontra persuni 'gay', 'bisexual' u 'transgender' u biex tittneħħa l-penalizazzjoni madwar id-dinja kontra dawn il-persuni. Is-silenzju qed jitqies mill-persuni li jagħmlu dan l-att bħala approvazzjoni ta' dawn l-atti."
L-ittra tgħid li "f'Jannar ta' din is-sena, David Kato, attivist għad-drittijiet ta' persuni 'gay' inqatel b'mod brutali fl-Uganda. Vjolenza, tortura u qtil ta' persuni 'gay', ġraw f'diversi pajjiżi madwar id-dinja u min qed iwettaqhom ħafna drabi hu konvint li dawn l-atti huma konformi mat-tagħlim tal-Knisja. Dan hu msaħħaħ mill-fatt li f'Diċembru tas-sena 2008, il-Qdusija tiegħu l-Papa irrifjuta li jagħti appoġġ lil dikjarazzjoni tal-Ġnus Magħquda fuq l-orjentazzjoni sesswali u l-identità sesswali. Dik id-dikjarazzjoni kienet tinkludi parti li fiha ssejjaħ lill-Istati biex jiżguraw li l-orjentazzjoni sesswali taħt l-ebda ċirkostanzi m'għandha ssofri min ebda penalitajiet kriminali, eżekuzzjonijiet jew arresti".

L-ittra talbet lill-Qdusija tiegħu l-Papa Benedittu XVI biex jipprovdi informazzjoni ċara lill-Kristjani kollha fuq il-passaġġi tal-Bibbja, liema passaġġi qed jintużaw biex jiġġustifikaw azzjonijiet vjolenti kontra persuni b'orjentazzoni sesswali differenti.

L-ittra tgħid ukoll li llum minn studji moderni fil-psikjatrija u l-psikoloġija, joħroġ li l-orjentazzjoni sesswali ma tistax tinbidel. L-ittra talbet ukoll lill-Knisja biex tikkonsidra l-pożizzjoni tagħha fuq ir-relazzjonijiet bejn persuni tal-istess sess. L-ittra talbet lill-Papa biex il-Knisja ma tibqax tħeġġeġ lill-Kattoliċi biex jivvutaw kontra liġijiet għal relazzjonijiet bejn persuni tal-istess sess.

No comments:

Post a Comment