Thursday, 30 August 2012

L-Orizzont: Opinjoni: Anke l-minoranzi bnedmin

http://www.orizzont.com.mt/FullArticle.php?ID1='Opinjoni'&ID2=95012
30.8.2012 minn Evarist Bartolo

F'Mejju 2011 flimkien ma’ 84 pajjiż ieħor, Malta kienet iffirmat dikjarazzjoni tal-Kunsill tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet Umani biex jintemmu l-atti ta’ vjolenza, passi legali kriminali u kull forma ta’ ksur tad-drittijiet umani kontra persuni minħabba l-orjentazzjoni sesswali tagħhom.

Fis-sena 2008 il-Ġnus Magħquda kienet diġà daħħlet għall-ewwel darba fi stqarrija tagħha tal-Assemblea Ġenerali l-prinċipju li l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru għandhom jiġu interpretati bħala li huma parti mid-Dikjarazzjoni Universali tad-Dritti­jiet Umani li tistabilixxi li kull bniedem għandu jgawdi d-drittijiet umani sħaħ.

Kull min jiġi f’kuntatt ma’ lesbjani, omosesswali, persuni bisesswali, trans u intersess f’Malta u Għawdex jaf li għad fadal ħafna xi jsir biex jintemmu d-diskrimi­nazzjoni u l-persekuzzjoni kontra tagħhom u jkollhom id-drittijiet umani sħaħ li jgawdu ċ-ċittadini l-oħrajn.


Dawn il-persuni ta’ orjentazzjoni sesswali differenti jiffaċċjaw faqar, persekuzzjoni, qgħad u anki suwiċidju iżjed mill-bqija tas-soċjetà. Xorta għadhom ma jgawdux drittijiet umani sħaħ f’pajjiżna. 

Jekk is-sieħeb/sieħba fil-koppja qiegħed/qiegħda tmut l-isptar ma jitqiesux bħala qraba li jistgħu jkunu preżenti. Jekk jikru appartament u jkun f’isem wieħed/waħda minn­hom, il-persuna l-oħra tin­tefa’ ’l barra jekk fuq min qiegħed jikri jmut. Għadhom xorta ppersegwitati fil-ħabs.
Huwa biss dan l-aħħar li l-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza ngħatat is-saħħa li tinvestiga każi ta’ diskriminazzjoni fuq ix-xogħol li jgħaddu minnha persuni b’orjentazzjoni sesswali differenti.
Għalkemm saru passi ’l quddiem mindu l-Partit Laburista neħħa l-omosesswalità minn reat kriminali fis-Snin 70, xorta għad fadal xi jsir biex dawn il-persuni jitqiesu li għandhom igawdu mill-istess drittijiet li jgawdu persuni oħrajn.
Tajjeb li Malta kienet fost il-85 pajjiż li s-sena li għaddiet iffirmaw l-istqarrija li d-drittijiet umani għandhom japplikaw għall-bnedmin kollha imma dikjarazzjoni bħal din ma tfisser xejn jekk imbagħad ma tieħux passi biex dawk il-prinċipji u valuri jiddaħħlu fil-liġijiet lokali.
Il-Gvern tal-PN għadu jċaħħad lill-persuni ta’ orjentazzjoni sesswali differenti milli jgawdu d-drittijiet umani sħaħ. Anke fl-aħħar erba’ snin il-PN fil-Gvern irreżista fil-Parlament u vvota kontra proposti Laburisti biex dawn il-persuni jgawdu d-drittijiet umani u jingħataw il-ħarsien tad-drittijiet umani fil-liġi tal-kera u fuq ix-xogħol.
Meta persuna ‘trans’ ipprovat tieħu d-dritt tagħha li tiżżewweġ lir-raġel li tħobb u l-Qorti Maltija tatha raġun anke skont il-linja li tieħu l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet Umani, il-Gvern appella mid-deċiżjoni.
Ilni minn Diċembru 2010 li ressaqt abbozz ta’ liġi dwar l-identità tal-ġeneru u l-Gvern ma wera l-ebda ħeġġa li jressaqha fil-Parlament. Dan huwa abbozz li jirrikonoxxi d-dritt tiegħek li jekk inti tħoss li inti mara jew raġel għandu jkollok id-dritt tkun dak li tħoss mingħajr eżamijiet me­diċi umiljanti.
Il-movimenti li jaħdmu għad-drittijiet tal-persuni b’or­jentazzjoni sesswali diffe­renti qegħdin jinsistu mal-gverni­jiet biex il-valuri u l-prinċipji mdaħħlin fid-dikjarazzjoni tas-sena li għaddiet fil-Ġnus Magħquda jiddaħħlu fil-liġi­jiet biex jitħarsu d-drittijiet umani. Il-Gvern tal-PN kellu ċans jagħmel dan fl-abbozz ta’ liġi dwar il-ko-abitazzjoni li għadu kemm ressaq din il-ġimgħa. Ma għamilx hekk u għalhekk il-persuni b’orjen­tazzjoni sesswali differenti huma diżappuntati b’dan l-abbozz ta’ liġi għax ftit li xejn se jagħmel differenza biex jibdew igawdu d-drittijiet li għandhom igawdu.
Bidliet fil-liġijiet jgħinu biex idgħajfu u jbiddlu l-preġudizzji u l-aħħar fdalijiet ta’ soċjetajiet magħluqin u antikwati li għadda żmienhom bħalma għadda ż-żmien tal-jasar u tal-Inkwiżizzjoni.
Meta nagħtu l-istess drittijiet lil dawk li huma mċaħħdin minnhom ma nkunu qegħdin innaqqsu xejn mid-drittijiet li diġà jgawdu persuni oħrajn fil-bqija tas-soċjetà. Lanqas ma nkunu qegħdin nimponu dawn id-dritti- jiet fuq min ma jridx jew ma għandux bżonn juża- hom.
Meta l-Prim Ministru Soċjalista Spanjol Jose Luis Rodriguez Zapatero ressaq liġi biex jagħti l-istess drittijiet u dmirijiet lill-koppji b’orjentazzjoni sesswali differenti bħall-koppji l-oħrajn kollha huwa qal: “Veru li dawn jolqtu biss minoranza imma hija rebħa għal kulħadd.
“Hija wkoll rebħa għal dawk li huma kontra liġi bħal din anki jekk għadhom ma jafux dan: imma hija r-rebħa għal-libertà. Soċjetà li tevita tbatija bla sens għall-persuni diċenti hija soċjetà aħjar.”

No comments:

Post a Comment