Wednesday, 29 August 2012

iNews Malta: Koabitazzjoni: “Mhux fuq l-istess livell ta’ familja”

http://www.inewsmalta.com/dart/20120828-koabitazzjoni-mhux-fuq-istess-livell-ta-familja
13:17 | 28.08.2012


Il-Ministru Chris Said nieda l-abbozz ta’ liġi li għandu jirregola l-koabitazzjoni f’pajjiżna. Meta kien qiegħed jagħmel dan saħaq li dan l-abbozz huwa mibni fuq numru ta’ premessi. Fosthom li l-koabitazzjoni hi stat ta’ fatt u stat ta’ għażla u li żdiedu sew il-persuni li jgħixu f’din it-tip ta’ relazzjoni. Sostna li din m’għandiex tkun tip ieħor ta’ żwieġ u mhux se tkun fuq l-istess livell. Għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti Chris Said għamilha ċara li mhix l-intenzjoni tal-gvern li jpoġġi koppji f’koabitazzjoni fuq l-istess livell taż-żwieġ, anke dawk omosesswali.

Se jkun hemm żewġ tipi ta’ koabitazzjoni; dik li tkun regolata b’kuntratt (Civil Cohabitation Partnership) u dik li tkun stat ta’ fatt (de facto). Filwaqt li fl-ewwel każ koppja tagħmel kuntratt u tirreġistrah, fit-tieni każ huma inklużi dawk li ma jagħżlux li jagħmlu dan, jew waħda mill-partijiet tirrifjuta.

“Il-liġi taħseb biex jekk dawn ma jibqgħux jgħixu flimkien għall-kwalunkwe raġuni, waħda mill-partijiet tista’ tmur il-qorti jekk tħoss li d-drittijiet tagħha kienu mittifsa u l-qorti għandha linji gwida kif tirregola din ir-relazzjoni,” qal Chris Said.

Hemm kriterji differenti biex dan l-istat ta’ fatt jidħol fis-seħħ. F’każ li jkun hemm ulied jiddependu mill-koppja, allura koppja tkun trid ilha tgħix flimkien sentejn filwaqt li f’kull każ ieħor iridu jkunu ilhom jgħixu flimkien ħames snin.

Meta koppja tiddeċiedi li tagħmel kuntratt tista’ tinkludi dak kollu li trid, sakemm dan ma jkunx illegali. Fiż-żewġ tipi ta’ koabitazzjoni ma jistgħux jintmissu d-drittijiet ta’ persuni li kienu miżżewġa lil xi ħadd mill-koppja l-ġdida. Dak li kien deċiż qabel, fosthom f’kuntratti ta’ separazzjoni, għandu jibqa’ hemm.

Il-persuni f’ċirkostanzi li huma regolati minn din il-liġi huma żewġ adulti li jgħixu flimkien f’relazzjoni stabbli u intima u li ma jiġux minn xulxin. Dan ifisser li din il-liġi ma tapplikax għall-aħwa, filwaqt li tapplika għall-persuni tal-istess sess. Il-liġi ma tidħolx lanqas fi kwistjonijiet ta’ taxxa.

Intant, mistoqsi jekk fid-dawl li din hija kwistjoni ta’ kuxjenza hux se jkun hemm vot ħieles fuq din il-liġi, il-Ministru Chris Said qal li din mhix deċiżjoni li jista’ jieħu hu. Said qal ukoll li din l-ħidma fuq din it-tema bdiet fi żmien li l-Ministeru kien jitmexxa minn Carm Mifsud Bonnici.

No comments:

Post a Comment