19:24 | 28.08.2012
"Wara xhur ta' laqgħat mal-Gvern li matulhom kienu diskussi diversi forom għall-għaqda legali bejn koppji tal-istess sess, il-fondazzjoni aditus tista' tiddeskrivi l-liġi ppreżentata llum dwar il-koabitazzjoni bħala falliment. Għalkemm kienet preżentata bħala għodda biex ikunu rikonoxxuti żwiġijiet tal-istess sess, din il-liġi ma tagħmel xejn biex tneħħi l-vojt li hemm fis-sistema legali ta' pajjiżna." Il-fondazzjoni aditus qalet dan permezz ta' stqarrija.
Neil Falzon, direttur ta' aditus, qal li wara li analizzaw il-liġi u l-implikazzjonijiet li din għandha, ħareġ ċar li ħafna mid-“drittijiet” imniżżla fiha diġà jeżistu. Dan ekk kif kull koppja tista' tmur quddiem nutar biex tirregola numru ta' fatturi bħal propjetà.
Il-liġi tagħmel ħafna referenzi għall-elementi finanzjarji, li qiegħed ipinġi relazzjoni f'termini ekonomiċi bejn żewġ persuni. Punti oħra fil-liġi m'humiex ċari jew huma riżultat ta' liġi mhux irfinuta, kompla Falzon.
Aditus qalet li minn din il-liġi kienet qed tistenna li persuni ta' nazzjonalità barranija li jkollhom relazzjoni omosesswali ma' persuna Maltija jkollhom id-dritt li jidħlu, jgħixu u jaħdmu f'Malta. Il-liġi iżda ma tagħmel l-ebda referenza għal dan, kif ma tagħmilx referenza fuq jekk ċittadini omosesswali Ewropej li jkunu ġew jgħixu Malta jkollhomx iż-żwieġ tagħhom rikonoxxut kif għandhom f'pajjiżi oħra Ewropej.
"Ftit wisq" - Gabi Calleja
Gabi Calleja, koordinatriċi tal-Malta Gay Rights Movement, qalet li tinsab iddiżappuntata bl-abbozz ta' liġi dwar il-koabitazzjoni, imniedi iktar kmieni llum.
Calleja qalet li wara konsultazzjoni li kellhom dwar din il-liġi, idaħħal ftit wisq minn dak li proponew. Calleja qalet li hi tħoss li xorta se jkun hemm diżugwaljanza sħiħa bejn koppji tal-istess sess u koppji eterosesswali.
“Aħna dejjem sostnejna li l-inqas aċċettabbli għall-komunità gay huwa li jkollok 'civil union',” kompliet Calleja.
Civil Union tagħti dritt lill-persuni gay l-istess drittijiet ta' koppji etero. Il-liġi tal-koabitazzjoni kif tħabbret illum mill-Ministru tal-Ġustizzja u l-Familja, Chris Said se tagħti lok biex koppji gay u eterosesswali li jikkoabitaw jirregolaw ir-relazzjoni tagħhom, pero dawn il-koppji mhux se jitqisu fl-istess livell ta' koppji miżżewwġa jew familja.
Fid-direzzjoni t-tajba
Fl-ewwel kumment dwar din il-liġi, l-Membru Parlamentari Indipendenti Jeffery Pullicino Orlando kiteb fuq facebook li l-liġi ta' koabitazzjoni kif proposta, huwa pass fid-direzzjoni t-tajba li kien ilu mistenni. Fl-istess ħin Pullicino Orlando qal li jista' jkun li se jipproponi xi amendi tal-liġi, hekk kif din il-liġi tkun diskussa fil-Parlament.
Jinsistu dwar żwieġ
Micheal Briguglio chairperson ta' Alternativa Demokratika qal li wieħed idaħħal il-koppji tal-istess sess fil-liġi tal-koabitazzjoni mhux biżżejjed. “Filwaqt li partiti politċi oħra qegħdin jipproponu unjoni ċivili jew relazzjonijiet reġistrati, l-AD bħall-MGRM qed tipproponi li jkun rikonxxut żwieġ bejn nies tal-istess sess,” kompla Briguglio.
No comments:
Post a Comment