Tuesday, 28 August 2012

DOI: Liġi li tagħraf il-Koabitazzjoni bħala realtà soċjali li tinvolvi Drittijiet u Dmirijiet

PR 1852, Department of Information, 28.8.2012 [PDF Version]

Il-Gvern se jilleġiżla biex jirrikonoxxi li l-koabitazzjoni hi realta` soċjali li tinvolvi kemm drittijiet kif ukoll dmirijiet. Il-Gvern qed idaħħal għall-ewwel darba l-kunċett tas-civil cohabitation partnership fil-liġi Maltija, u qed jiddikjara għall-ewwel darba li persuni li jagħmlu l-għażla li jikkoabitaw għandhom drittijiet u obbligi. M’huwiex aċċettabbli li ċertu relazzjonijiet ta’ koabitazzjoni jispiċċaw fi sfruttament ta’ waħda mill-partijiet u din il-liġi hi maħsuba biex telimina dan it-tip ta’ sfruttament.

Dan sostnieh il-Ministru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha ta dettalji dwar l-Abbozz ta’ Liġi dwar id-Drittijiet u d-Dmirijiet ta’ Persuni li Jikkoabitaw. L-ewwel qari ta’ dan l-abbozz ta’ liġi diġa` sar fil-Parlament, u mistenni jitressaq għat-tieni qari f’Ottubru.

Il-Ministru Chris Said irrefera għad-diskors tal-President fil-ftuħ tal-Ħdax-il Parlament li ngħata fl-10 ta’ Mejju 2008. F’dan id-diskors, li jinkludi l-programm tal-Gvern għal-leġislatura, intqal li “...il-Gvern bi ħsiebu jipproponi leġislazzjoni bil-għan li jiġu mħarsa minn kull sfruttament persuni li jgħixu flimkien barra mir-rabta taż-żwieġ.”

Il-Ministru Said qal li l-koabitazzjoni hi stat ta’ fatt għaliex illum in-numru ta’ nies li jagħmlu l-għażla li jikkoabitaw żdied sostanzjalment tant li saret realta` soċjali. Għaldaqstant il-Gvern hu obbligat li jirregola l-konsegwenzi legali tal-koabitazzjoni. Hu qal ukoll li l-koabitazzjoni hi għażla konxja ta’ żewġ persuni. Għalhekk il-Gvern qed jilleġiżla mingħajr m’hu qed jindaħal fil-ħajja privata tan-nies.

Is-sitwazzjoni bħalissa hi tali li koppja li tikkoabita ma tistax tirreġistra r-relazzjoni ta’ koabitazzjoni li tkun fiha. Permezz ta’ din il-liġi, il-Gvern se jkun qed jirrikonoxxi l-koabitazzjoni de facto bħala relazzjoni bażika; u se jkun qed jagħraf li hemm drittijiet u dmirijiet għaż-żewġ partijiet f’relazzjoni ta’ koabitazzjoni.

Il-Ministru Chris Said qal li permezz tal-liġi dwar il-koabitazzjoni, persuni li jikkoabitaw u li jridu jirregolaw rwieħhom permezz ta’ att pubbliku, jistgħu jagħmlu dan liberament. Il-koabitazzjoni hi miftuħa għall-koppji ta’ sess differenti u tal-istess sess, tant li l-Liġi tal-Koabitazzjoni tagħraf legalment koppji tal-istess sess.

Il-liġi kif qed tiġi proposta mill-Gvern tistabbilixxi li l-persuni li jistgħu jikkoabitaw huma żewġ adulti, ta’ sess differenti jew tal-istess sess, li jgħixu flimkien bħala koppja f’relazzjoni intima jew committed, li ma jiġux minn xulxin u li m’humiex miżżewġin lil xulxin.
Dawn il-persuni jridu jkunu ilhom jgħixu flimkien għal mill-anqas sentejn jew aktar f’każ li huma jkunu l-ġenituri ta’ tifel/tifla jew aktar u li dawn l-ulied ikunu jiddependu minnhom; jew għal ħames snin jew aktar f’kull każ ieħor.

Il-liġi tistabbilixxi diversi kriterji kif żewġ persuni jitqiesu li jikkoabitaw. Dawn il-kriterji jinkludu:
it-tul tar-relazzjoni ta’ bejniethom;
ir-raġuni għala koppja jgħixu flimkien;
kemm waħda mill-partijiet fil-koppja hija dipendenti mill-oħra fi kwistjonijiet ta’ finanzi;
in-natura tal-arranġamenti finanzjarji li jeżistu bejn il-koppja f’każijiet ta’ xiri ta’ propjeta` jew xiri ta’ propjeta` fuq bażi personali;
jekk minn dik ir-relazzjoni twieldux tfal li huma dipendenti fuq il-ġenituri li jikkoabitaw;
jekk waħda mill-partijiet f’dik il-koppja tappoġġjax finanzjarjament lill-ulied tal-parti l-oħra fil-koppja; u
il-mod kif il-partijiet involuti jippreżentaw rwieħhom bħala koppja.

Il-kuntratt pubbliku imfassal mill-partijiiet f’relazzjoni ta’ koabitazzjoni jista’ jipprovdi għal arranġamenti finanzjarji kemm matul ir-relazzjoni kif ukoll wara li r-relazzjoni tintemm. Il-ftehim b’kuntratt ikun validu biss f’każ li, qabel jidħlu għalih, il-partijiet fil-koppja jkunu irċevew pariri legali b’mod indipendenti jew inkella jkunu ingħataw parir legali flimkien u jkunu qablu bil-miktub li dak ikun il-parir legali li għandhom jimxu fuqu. Dan il-ftehim hu maħsub biex jissalvagwarjda l-interessi tal-koppja kif ukoll tal-ulied, kemm jekk ikunu tnisslu f’dik ir-relazzjoni kif ukoll f’każ li jkunu wlied li ġejjin minn żwieġ preċedenti ta’ waħda mill-partijiet fil-koppja. Il-liġi tistabbilixxi wkoll il-metodi li bihom tista’ tintemm ir-relazzjoni ta’ koabitazzjoni u x’passi jistgħu jittieħdu.

Il-Ministru Chris Said temm jgħid li l-Gvern jemmen fiż-żwieġ li huwa l-fus ta’ familja b’saħħitha. Għalhekk il-Gvern iħossu fid-dmir li jilleġiżla sabiex jilħaq l-aspirazzjonijiet ta’ persuni li għandhom relazzjoni personali prezzjuża iżda ma jkunux miżżewġin. L-Istat ma jistax jagħlaq għajnejh għal dan u għalhekk għandu jilleġiżla kull fejn hemm bżonn biex jistabbilixxi d-drittijiet u d-dmirijiet f’dawn ir-relazzjonijiet kemm bejn koppji eterosesswali kif ukoll bejn koppji omosesswali.

L-Abbozz ta’ Liġi id-Drittijiet u d-Dmirijiet ta’ Persuni li Jikkoabitaw jista’ jitniżżel mis-sit elettronikuhttps://secure3.gov.mt/socialpolicy/SocProt/family/cohabitantsact.aspx

Il-perjodu ta’ konsultazzjoni jagħlaq fit-30 ta’ Settembru 2012. Sottomissjonijiet dwar dan l-abbozz ta’ liġi jistgħu jintbagħtu b’email fuq rights-cohabitation.mjdf@gov.mt jew permezz tal-posta regolari lill-Ministeru tal-Ġustizzja, Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja, Il-Berġa ta’ Kastilja, Valletta.

No comments:

Post a Comment