August 28, 2012
Jiġbdilhom l-ispaga l-Isqof ta’ żmenijiet id-dlam u joqomsu dawn in-Nazzjonalisti konservattivi!
Aħna tal-Mazzun kemm il-darba għedna li naqblu li l-koppji gay jiżżewġu u jkollhom l-istess drittijiet bħall-koppji eterosesswali. Wara kollox dawn jaħdmu, jħallsu t-taxxa u jikkontribwixxu lejn is-soċjeta’ Maltija daqs ħaddieħor, mela meta l-istat ikun qed jgħid li se jagħtihom biċċa dritt bħalma qed jagħmel il-Ministru Chris Said, dan qed jiddiskrimina magħhom.
Tant li qed ngħidu hu minnu li l-għaqda favur id-drittijiet tal-Bniedem Aditus iddeskriviet il-bill ta’ Said bħala falliment kbir u għodda li ma jbiddel ix-xenarju legali fqir li hawn bħalissa. Dan tant hu minnu li ħafna mid-drittijiet li Said qed jiftaħar li se jagħti lill-gays diġa qegħdin hemm u kopja omosesswali tista’ tkellem nutar u tirregola propjeta’ u akkwisti komuni taħt it-terminu ta’ manteniment.
U ma tarax li l-Gvern Nazzjonalista minkejja li mimlija bil-gays se jagħtihom id-dritt li jingħaqdu fiż-żwieġ civili u jrabbu familja. Jekk l-Isqof Grech u l-Knisja Maltija rabtitilhom ħabel oħxon daqs ċima m’għonqhom!
Ara kemm iġġieldu kontra d-dħul tad-dritt tad-divorzju u ara kif qed jagħmlu minn kollox biex jeqirdu t-teknika ta’ l-IVF għax il-Knisja ħarġet kontriha. Issa mhux Josie Muscat biss qed jgħidilhom li l-liġi kif iridha l-Ministru tad-Djuq Joe Cassar se toqtol kull ċans li l-familji jkollhom trabi mit-teknika ta’ l-IVF. U dan qalu wkoll espert kbir mill-Italja u fakkarhom kif f’dan il-pajjiż ipprovaw jagħmlu l-istess id-Demokristjani u kellhom jibilgħu kollox. Mhux imbilli ġabu dik il-professura Taljana u pprovaw jbellgħulna d-djuq tagħha.
Dawn il-liġijiet tal-ko-abitazzjoni u l-IVF mhuma xejn ħlief bżar fl-għajnejn qabel l-elezzjoni biex il-PN min għalih jidher li qed jagħmel xi ħaġa f’dawn l-oqsma u forsi jisraq xi vot.
Aħna tal-Mazzun ma’ nistgħux nifhmu kif JPO jsejjaħ dawn il-bills positivi meta l-IVF jiddiskrimina kontra l-omosesswali u se jnaqqas l-effettivita’ tat-teknika minħabba d-djuq reliġjuż tal-Ministru Joe Cassar u l-liġi tal-ko-abitazzjoni mhu se tagħtihom xejn ġdid lill-omosesswali, meta JPO saħansitra ddikjara li jaqbel li għandhom jiżżewġu.
Nisperaw li l-emendi li se jagħmel ikunu tajbin għaliex hu għandu s-saħħa politika jgħaddi liġijiet ġusti bħalma ħadem biex għadda d-divorzju.
No comments:
Post a Comment