29.08.2012
Huwa żmien impenjattiv għall-kantanta Ira Losco, li ftit tal-jiem ilu nediet is-single l-ġdida tagħha, What I’d Give. Iżda dan ma żammx lil Losco milli tikkummenta dwar l-abbozz ta’ liġi dwar il-koabitazzjoni.
Losco, li minbarra għas-suċċessi tagħha fil-qasam mużikali hija magħrufa wkoll għall-attiviżmu favur l-ugwaljanza fis-soċjetà, kellha kliem iebes ħafna għal-liġi ta’ koabitazzjoni mressqa mill-Ministru Chri Said ‘ilbieraħ.
Fuq il-fan page tal-Facebook tagħha Losco ddeskrivit din il-liġi bħala żibel u intolleranti.
“Lanqas li kieku kont ngħix f’galassija oħra ma kont naċċetta dan iż-żibel u din l-intolleranza. Nistħi li jiena mmexxija minn persuni omofobiċi u daqstant bil-għatx għall-voti.
“Skużawni, imma din id-darba se nuża l-vuċi tiegħi għal xi ħaġa differenti mill-kant u dan biex nuri rispett lejn ħafna minn sħabi li jixirqilhom l-istess drittijiet,” kitbet il-kantanta b’referenza għal din il-liġi.
Angie Laus: Intant, anke l-preżentatriċi Angie Laus użat il-Facebook biex tgħid tagħha dwar din il-liġi. Laus għamlitha ċara li hi temmen li kulħadd INDAQS. "Għaliex jiena għandi d-dritt li niżżewweġ u persuni gay għadhom jiġġieldu għad-drittijiet tal-koabitazzjoni? Dan stupidu. Aħna kollha bnedmin u kulħadd jixraqlu li jkun indaqs," kitbet Angie Laus, li tmexxi l-programm popolari tal-Ħadd filgħodu fuq TVM.
No comments:
Post a Comment