http://www.maltarightnow.com/Default.asp?module=news&at=Ippre%26%23380%3Bentat+l-abbozz+ta'+li%26%23289%3Bi+dwar+il-koabitazzjoni&t=a&aid=99839980&cid=19
Amy BORG, 28 t' Awwissu, 2012 15:44 CET
Il-Gvern ippubblika d-dettalji tal-abbozz ta' liġi dwar il-koabitazzjoni - liġi li se tagħraf il-koabitazzjoni bħala realtà soċjali li tinvolvi drittijiet u dmirijiet.
Il-liġi ġdida li ppreżenta l-Gvern tistabilixxi li l-persuni li jistgħu jikkoabitaw huma żewġ persuni adulti ta' sess differenti jew tal-istess sess, li jgħixu flimkien bħala koppja f'relazzjoni intima u li iżda m'humiex qraba ta' xulxin u li m'humiex miżżewġin lil xulxin.
Dawn il-persuni jridu jkunu ilhom jgħixu flimkien minn tal-inqas sentejn jew aktar f'każ li huma jkunu l-genituri ta' tifel jew tifla jew aktar u li dawn l-ulied ikunu jiddependu minnhom, jew għal ħames snin jew aktar f'kull każ ieħor.
F'konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru tal-Gustizzja, il-Konsultazzjoni Pubblika u l-Familja Chris Said spjega kif dan l-abbozz ta' liġi hu mibni fuq numru ta' premessi fosthom li l-koabitazzjoni hi stat ta' fatt f'pajjiżna - realtà soċjali li l-Gvern għandu l-obbligu li jirregola, mingħajr ma jindaħal fil-ħajja privata ta' bejn il-koppja.
Chris Said spjega wkoll kif din il-ligi m'hix se tqis il-koabitazzjoni bħala tip ta' żwieġ ieħor iżda se tkun qed tħares id-drittijiet u l-obbligi ta' dawk involuti, jiġifieri ta' dawk li jikkoabitaw flimkien u li għamlu kuntratt pubbliku, magħruf bħala Civil Cohabitation Partnership, u anke ta' dawk li ma għamlu l-ebda kuntratt pubbliku - koabitazzjoni magħrufa bħala De Facto.
F'każ ta' koabitazzjoni dejjem għandhom jitħarsu wkoll d-drittijiet u l-obbligi tal-aktar persuni vulnerabbli fir-relazzjoni.
Il-Ministru Said spjega kif il-Qorti f'kull deċiżjoni li tieħu f'każi ta' koabitazzjoni dejjem ikollha l-ewwel l-interess tat-tfal. Kemm jekk itfal ikunu konċeputi waqt li koppja tkun qed tgħix flimkien barra ż-żwieġ u anke jekk it-tfal ikunu frott ta' żwieġ ieħor.
Dan l-abbozz ta' liġi jispeċifika wkoll li fiż-żewġ każi ta' koabitazzjoni, jekk qabel ma l-koppja għażlet li tgħix flimkien, kien hemm żwieġ ma' terzi persuni, ma jistgħux jintmissu d-drittijiet u l-obbligi tal-persuna l-oħra kif stabbiliti mill-Qorti skont il-liġi, bħal per eżempju f'każi ta' manteniment jew ta' propjetà.
L-abbozz ta' liġi ppublikat mill-Gvern jispeċifika wkoll kif tintemm koabitazzjoni.
Issa li tnieda dan l-abbozz ta' liġi, li l-Gvern ilu jaħdem fuqu sa mill-bidu ta' din il-legizlatura fl-2008 se jkun hemm 5 gimgħat ta' konsultazzjoni pubblika sabiex isiru l-emendi necessarji, bhalma sar fil-kaz tal-abbozz ta' ligi dwar l-IVF biex finalment f'Ottubru li ġej l-abbozz ta' liġi jitressaq quddiem il-parlament hekk kif jiftaħ mill-ġdid wara l-vakanzi tas-Sajf.
B'reazzjoni, il-Malta Gay Rights Movement (MGRM) kien l-ewwel għaqda li fi stqarrija ħarġet ir-reazzjoni tagħha għal dan l-abbozz ta' liġi ppreżentat mill-Gvern illum.
L-MGRM esprima d-diżappunt tiegħu dwar l-abbozz ta' liġi għaliex skont hu ma jiriflettix dak li xtaq hu u l-proposti li ressaq lill-Gvern fit-taħditiet li kellu miegħu, speċjalment il-fatt li l-abbozz ma jiriflettix il-livell minimu aċċettabli bħala unjoni ċivili fuq l-istess livell ta' żwieġ.
Intant anke l-Alternattiva Demokratika fi stqarrija tgħid li taqbel ma dak tkellmet dwaru l-Malta Gay Rights Movement.
No comments:
Post a Comment