30.8.2012 minn Evarist Bartolo
F'Mejju 2011 flimkien ma’ 84 pajjiż ieħor, Malta kienet iffirmat dikjarazzjoni tal-Kunsill tal-Ġnus Magħquda dwar id-Drittijiet Umani biex jintemmu l-atti ta’ vjolenza, passi legali kriminali u kull forma ta’ ksur tad-drittijiet umani kontra persuni minħabba l-orjentazzjoni sesswali tagħhom.
Fis-sena 2008 il-Ġnus Magħquda kienet diġà daħħlet għall-ewwel darba fi stqarrija tagħha tal-Assemblea Ġenerali l-prinċipju li l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru għandhom jiġu interpretati bħala li huma parti mid-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet Umani li tistabilixxi li kull bniedem għandu jgawdi d-drittijiet umani sħaħ.