[Dan l-artiklu mhux fuq is-sit ta' l-Orizzont s'issa]
27.7.9 Minn Charles Flores
Kellu kull ġustifikazzjoni l-moviment tal-gays f’Malta joħroġ pubblikament juri d-diżappunt tiegħu li l-istazzjonijiet nazzjonali mmexxija mill-PBS naqsu milli jirrappurtaw dwar il-parata anwali li jorganizza b’appoġġ minn ħafna nies li ma jiddejqux juru l-qbil tagħhom mal-ħtieġa tal-għoti ta’ aktar jeddijiet lil persuni b’orjentazzjoni sesswali differenti. Fost dawn kien hemm membri parlamentari miż-żewġ naħat tal-arena politika f’pajjiżna.
Meta tipprova tifhem il-għala l-PBS iddeċidew li jieħdu dan l-atteġġjament qajla jirnexxilek. Kienet paprata oħra minn sensiela ta’ deċiżjonijiet editorjali li la jagħmlu sens u wisq anqas ġustiżżja ma’ dawk konċernati. Possibli, l-bord editorjali tal-kumpanija jaqbel li jkollu t-taqsima tal-aħbarijiet tinjora attivita’ li qajl qajl qed issir tradizzjoni kif ilha f’bosta pajjiżi ferm iżjed tolleranti minna? Kif jaħsbuha l-membri ta’ dan il-bord li, ngħiduha kif inhi, huwa magħmul minn nies rashom fuq għonqhom, jafu x’inhi u x’mijiex aħbar u, fuq kollox, japprezzaw ir-realta’ tad-diversita’ fil-ħajja.
Żgur li m’hemmx l-iskuża li l-PBS ma kinux mistednin għall-attivita’. Skont Gabi Calleya, l-uffiċjal responsabbli mill-kordinazzjoni tal-moviment tal-gays f’Malta, ħarġet stedina għall-Midja kollha fil-pajjiż biex ikolhom l-opportunita’ jirrappurtaw l-andament tal-parata fil-Belt.
Calleya, bil-ħaqq kollu, ma qagħditx tomgħodha u sostniet li l-istazzjonijiet nazzjonali kienu fid-dmir li jirrappurtaw l-attivita’. Dan għaliex huma, l-PBS, jirrappreżentaw lis-soċjeta’ kollha Maltija u għalhekk iridu jaraw li jkunu ġusti fil-coverage tagħhom ma’ kull sezzjoni ta’ dik l-istess soċjeta’.
Wieħed jittama li din il-paprata min-naħa tal-PBS mhix riżultat ta’ xi preġudizzji li jista’ jkollu xi ħadd fit-tmexxija jew inkella ta’ ndħil minn xi wħud li jaħsbu li għandhom il-ġwienaħ. Il-gay parades fid-dinja kollha jingħataw attenzjoni sħiħa mill-Midja. L-ewwel nett għax minnhom infushom ikunu attivitajiet mill-aktar imlewna u ferrieħa, u anki b’rispett għal dawk fis-soċjeta’ li jħossuhom differenti u għandhom kull jedd iħossuhom hekk.
B’kuntrast għall-kumpanija nazzjoali tax-xandir, stazzjonijiet oħrajn Maltin ma ddejqux jirrappurtaw l-attivita’ fil-belt kapitali tagħna. Kienu serji u prudenti fir-rappurtaġġ tagħhom, kif wara kollox jixraq lil kull sezzjni tas-soċjeta’ li jidhrilha għandha ssemma’ leħinha.
No comments:
Post a Comment