Wednesday, 15 July 2009

Kamra tad-Deputati: Strateġija Nazzjonali rigward is-Saħħa Sesswali

15.7.9

Il-Membri li jservu fuq dan il-Kumitat huma:
Onorevoli Edwin Vassallo, MP, President
Onorevoli Frederick Azzopardi, MP, Membru
Onorevoli Justyne Caruana, MP, Membru
Onorevoli Michael Farrugia, MP, Membru
Onorevoli Michael Gonzi, MP, Membru
Onorevoli Stephen Spiteri, MP, Membru
Onorevoli Anthony Zammit, MP, Membru
---
1.1. Preambolu
Ir-rapport ta’ Ħidma tal-Genitourinary (GU) Clinic, jindika kif in-numru ta’ pazjenti infettati minn mard sesswali baqa’ jiżdied sena wara l-oħra. Ir-rapport tal-klinika tal-Istat responsabbli għall-kura ta’ mard trasmess sesswalment iqanqal tħassib akbar għaliex in-numru ta’ persuni nfettati f’Malta u li ma jużawx din il-klinika jista’ jkun ferm akbar. L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa tistma’ li skont id-daqs, kultura, u ġeografija, Malta għandha potenzjal ta’ madwar 13,000-il elf persuna infettata kull sena. Preokkupazzjoni oħra hija l-persentaġġ dejjem jiżdied ta’ rapporti sesswali każwali u l-fatt li min ikun infettat ma jkunx jaf mingħand min ħa l-marda. Ġie nnutat li l-kaġun ta’ dan jistgħu jkunu rapporti sesswali minn persuni li jkunu taħt l-influenza eċċesiva tal-alkoħol u d-droga. Barra minn hekk, 70% tal-klijenti ta’ din il-klinika, rrapurtaw li qatt ma użaw kontraċettiv.

Wara li sema’ l-esperti, il-Kumitat innota li l-istrateġija nazzjonali favur is-saħħa sesswali għandha tkun waħda uniformi li twassal għall-messaġġ ċar u ffukat, b’attenzjoni partikolari lejn l-età tal-persuna. Il-Kumitat dwar l-Affarijiet Soċjali iddeċieda li jorganizza serje ta’ laqgħat sabiex l-istakeholders kollha jagħrfu dan il-messaġġ u b’hekk ma jibqax jinħass konfużjoni ta’ messaġġi differenti li jistgħu iħawdu l-imħuħ u l-aġir sesswali fis-soċjetà. Dan ser jgħin lid-Dipartiment tal-Promozzjoni tas-Saħħa fl-aħjar għarfien tal-ħtieġa ta’ din il-politika lil dawk kollha konċernati, inkluż iż-żgħażagħ, il-ġenituri, l-għalliema, tobba u professjonisti tas-saħħa. Id-Dipartiment tas-Saħħa diġa ħejja grupp ta’ professjonisti u esperti li qed jaħdmu fuq strateġija nazzjonali dwar is-saħħa sesswali li ser tiffoka fuq aktar għarfien pubbliku, responsabbilità, edukazzjoni għat-tfal u ġenituri, sorveljanza, kura u riċerka.

Quddiem dan il-kuntest u permezz tal-laqgħat li kellu l-Kumitat ma’ esperti fis-suġġett, il-Membri tal-Kumitat dwar l-Affarijiet Soċjali fehmu li għandhom ikunu tlieta l-valuri li jdawlu l-istrateġija nazzjonali favur is-saħħa sesswali:
• l-edukazzjoni u l-prevenzjoni
• ir-responsabbilità u
• l-fedeltà.


1.2. Il-GU Clinic
Kull ma jmur din il-klinika tal-Istat qed tiġbed aktar numru ta’ pazjenti. Minn 760 pazjent fis-sena 2000 għal 2221 fl-2007. 75% tal-pazjenti fl-2007 (1657) kienu pazjenti ġodda u l-proporzjon bejn il-pazjenti rġiel u nisa kienu 1.7:1. L-età ta’ dawk bejn il-15 u 24 sena jammontaw għal kważi 40% tal-pazjenti fl-2007 u 40% kienu minn 40 sena ‘l fuq. 71% mill-pazjenti kienu single, 18% kienu miżżewġa, 8% separati u 0.1% divorzjati.

Bil-maġġoranza tal-pazjenti (89%) jkunu b’orjentazzjoni sesswali eterosesswali, 7.2% omosesswali u 1.4% bisesswali, l-akbar numru ta’ pazjenti jaslu l-GU Clinic fuq inizjattiva personali (76%), 17.6% riferuti mit-tobba, 3.7% mill-Caritas u 1.26% minn għaqdiet mhux governattivi oħrajn.

16.7% tal-pazjenti nisa li jżuru l-GU Clinic jużaw kontraċettiv, l-aktar (94%) il-pillola kontraċettiva orali. 25.4% jammettu li jipprattikaw is-sess anali. Din hija prattika sesswali ta’ riskju għoli, partikolarment meta wieħed jikkunsidra li 42% tal-pazjenti li jmorru l-GU Clinic jkollhom attività sesswali każwali. Minn dawn li qalu li jkollhom attività sesswali każwali, 28% huma miżżewġin u jammettu li jkollhom x’jaqsmu sesswalment ma’ prostituti. ‘Il fuq minn 70% ma jużawx protezzjoni waqt ir-rapport sesswali.

Għalkemm din l-Istatistika ma tistax tiġi ġeneralizzata, meta meħuda fuq il-popolazzjoni Maltija kollha, tista titfa’ aktar dawl u tqanqal ċertu tħassib. Anke minħabba l-fatt li ċertu mard trasmess sesswalment bħal gonorrhea żdied bi 52% u li madwar nofshom jkunu diġà bdew jieħdu l-kura bl-antibijotiċi. Apparti li din ir-realtà f’Malta tista tindika l-użu tal-antibijotiċi b’mod sporadiku mingħajr testijiet jew mixtrijin mingħajr preskrizzjoni tat-tabib, dan qed iwassal għal ċirkustanzi fejn il-mikrobu tal-gonorrhea qed ikun aktar reżistenti għall-antibijotiċi komuni. Fl-2007 il-pazjenti morda bis-syphilis kienu 18, 43% minnhom ma kinux qed iħossu sintomi tal-marda. Il-konsegwenzi ta’ din il-marda huma gravi jekk wieħed jibqa’ jipposponi l-kura u allura l-kura tagħha hija mportanti ħafna. Madanakollu, ir-riċerka tindika li din il-marda trasmessa sesswalment qed tiżdied anki fin-nisa tqal.

[Kompli aqra dan id-dokument hawn.]

No comments:

Post a Comment