Tuesday, 16 December 2008

L-Orizzont: Mill-A saż-Ż tal-mard sesswali

http://www.l-orizzont.com/news.asp?newsitemid=49566
15.12.8 minn Gaetano Micallef

Statistika li Dr PHILIP CARABOT, konsulent fil-GU Clinic fl-Isptar Boffa, ippreżenta dan l-aħħar fil-Parlament turi li l-għadd ta’ pazjenti lokali infettati minn mard sesswali baqa’ jiżdied minn sena għal oħra. GAETANO MICALLEF tkellem miegħu dwar il-perikli li jeżistu għal min ma joqgħodx attent x’jagħmel u ma jagħmilx.



Kemm hu faċli jew diffiċli tiġi infettat minn virus trasmess sesswalment?



Jiddependi fuq liema virus qegħdin nitkellmu. Ħafna jaħsbu li l-virus jew mikrobu qisu jiġi mill-arja. Biex tieħu infezzjoni trasmessa sesswalment trid tagħmel is-sess ma’ xi ħadd infettat u speċjalment jekk ma tużax kondom.

Persuna tiġi infettata b’kuntatt dirett. Per eżempju, jekk raġel ikollu tisfija infettata mill-parti tiegħu u jkollu kuntatt ma’ mara l-virus jittieħed. Il-virus jista’ jittieħed ukoll permezz tas-sess orali, mill-ħalq, għax ħafna jeħduh “for granted” u qisu xejn m’hu xejn. Imma ftit jirrealizzaw li bis-sess orali tista’ tieħu l-infezzjonijiet kollha li jeżistu.

Imbagħad għandek is-sess anali li huwa l-iżjed sess perikoluż mil-lat tal-mard trasmess sesswalemnt. Għax dejjem se jkun hemm xi ħsara. U hemm iktar riskju ta’ demm. Is-sens anali huma komuni kemm għax hemm min jogħġbu jagħmlu u anke biex it-tfajla ma tinqabadx tqila. Imma mingħajr kondom huwa l-iktar sess riskjuż.

Issa kemm hu faċli jew le tieħu infezzjoni jiddependi fuq liema infezzjoni qegħdin nitkellmu. Jekk qegħdin nitkellmu dwar il-gonnoreja, dik li bil-Malti ngħidulha pixxikalda, faċli ħafna teħodha. Jekk tagħmel is-sess ma’ xi ħadd li għandu l-gonorreja għandek ċans kbir teħodha.

Imma mbagħad l-HIV mhix daqshekk faċli li teħodha. Jekk xi ħadd jagħmel sess ma’ xi ħadd li għandu l-HIV b’kuntatt wieħed u mingħajr kondom iċ-ċans li jlaqqat l-HIV huwa żgħir ħafna. Ara fil-każ tal-gonnoreja ċ-ċans huwa ħafna ikbar.

Jiddependi ukoll f’liema stadju tkun tinsab l-infezzjoni fil-bniedem. Jekk nieħdu s-sifillus kemm hu faċli teħodha jiddependi f’liem stadju tinsab din l-infezzjoni. Jekk qiegħda fil-bidu iċ-ċans li l-infezzjoni tgħaddi minn persuna għal oħra jkun kbir imma jekk il-persuna kellha l-infezzjoni għal sentejn jew iżjed iċ-ċans li tgħaddiha huma inqas.

Jiġifieri ma tistax tiġġeneralizza… jiddependi ħafna fuq liema infezzjoni qegħdin nitkellmu fuqha.



U dawn il-mard jibqgħu għal perjodu ta’ żmien jew jgħaddulek wara ċertu żmien?



Jiddependi fuq liema infezzjoni qiegħed titkellem. Jekk nieħdu l-clemidia, infezzjoni oħra, wara ċertu żmien għandha mnejn tisparixxi. Jekk tibqax tagħmel effett fil-ġisem ma nafux. Imma għalkemm tista’ tisparixxi tista’ ukoll tħallilek kumplikazzjonijiet fuq il-persuna bħal, ngħidu aħna, fil-każ tal-mara din tkun infertili.

Jekk insemmu l-herpes, infezzjoni oħra, din la darba teħodha se tibqa’ miegħek għal dejjem. L-HIV jekk ħadtha ħadtha u hija ukoll tibqa’ miegħek għal dejjem. Hemm infezzjonijiet li jibqgħu għal dejjem u hemm oħrajn li apparentament mingħajr trattament għandu mnejn jisparixxu jew il-ġisem jeħles minnhom.



Jeżisti kura għalihom dawn il-mard?



Għal darb’oħra jkolli nerġa’ ngħid li jiddependi. Ħafna minnhom jitfejjqu. Semmejna l-gonnoreja, il-clemidia u s-sifillus … dawk kollha jitfejjqu. Fil-każ tal-HIV għalkemm illum hawn trattament tajjeb kura għalih m’hemmx. Lanqas għall-herpes m’hemmx kura. Il-virus tal-felul ġenitali ukoll m’hemmx kura għalih imma f’dan ir-rigward għandna tilqima kontra l-virus li hija tajba ħafna jekk tintuża tajjeb … fis-sens jekk tingħata lit-tfajliet, u possibilment lill-ġuvintur, qabel ma jibdew jagħmlu s-sess. Għax tista’ tiffrankalek ħafna gwaj ’il quddiem.



Mill-esperjenza tiegħek x’tista’ tgħid fuq is-sitwazzjoni f’Malta fejn jidħol is-sess u l-mard trasmess minnu?



F’Malta hawn ħafna iżjed mard milli jidher. Jien nista’ nitkellem biss fuq il-pazjenti li nara jiena. Issa jien tabib wieħed fi klinika waħda. Ma narax il-mard kollu ta’ Malta. Imma allavolja nara ftit il-mard sesswali dejjem qiegħed jiżdied. Huwa ħafna iżjed mifrux milli naħsbu.



U kemm jiġu għandkom?



Dejjem jiżdiedu. Kull sena naqbżu l-2,000. Barra minn hekk għandek ukoll il-fatt li ħafna qegħdin jagħmlu dak li jissejjaħ ‘casual sex’ jiġifieri sess ma’ min ġie ġie. ‘One night stand’. U l-maġġoranza l-kbira qatt ma jużaw kondom. Jiġifieri għandna l-potenzjal ta’ problema serja. Għalhekk qegħdin naħdmu fuq is-‘Sexual Health Policy’ u nispera li tkun lesta dalwaqt ħalli nibdew nindirizzaw dawn il-problemi.



U kif taħseb li għandna nindirizzaw dawn il-problemi?



Mill-aspetti kollha. Mhux biss trid tkopri l-kura tal-mard imma rridu naraw x’tip ta’ edukazzjoni sesswali qegħdin ngħallmu lill-istudenti u x’kampanja ta’ kuxjenza rridu nużaw biex nolqtu setturi differenti tas-soċjetà – bħaż-żgħażagħ, gays, dawk dipendenti fuq id-droga u issa għandna l-emigranti – għax kull grupp għandu problema speċifika. Ma jistax ikollok kampanja ta’ promozzjoni għal kulħadd għax ma taħdimx sew.

Mhux se jkollna garanzija li se nwaqqfu dan il-mard imma almenu nindirizzaw il-problema u kemm jista’ jkun nikkontrollawha.



Semmejt l-edukazzjoni sesswali. Taħseb li din mhiex qiegħda tkun effettiva?



Ovvja li mhijiex għax kieku mandniex din il-problema. Mhux qiegħed ngħid li mhux tajba imma rridu nirrevedu x’qiegħed isir u jekk hux biżżejjed. Għalija m’huwiex biżżejjed għax kieku m’għandnix din ir-rata dejjem togħla ta’ tfajliet li joħorġu tqal. Kieku mgħallmin tajjeb fuq il-kontraċettivi kieku ma kienux joħorġu tqal. Kieku għandhom edukazzjoni sesswali effettiva ma joqgħodux jagħmlu daqshekk sess mingħajr kondom imma jkunu għaqlin biżżejjed li jekk se jagħmlu s-sess jużaw il-protezzjoni.



Għaliex taħseb li hawn min ma jużax il-kondom meta nafu bil-mard li jeżisti?



Ħafna meta jkunu għadhom żgħar fl-età iħossuhom b’saħħithom u allura jesperimentaw. U ma jarawx ir-riskji bħal meta jarawhom meta jikbru u jimmaturaw. Għalhekk importanti l-edukazzjoni sessali … irridu nagħmlu ‘brainwashing’ fuq iż-żgħażagħ ħalli jekk jagħmlu s-sess jużaw il-kondom. Veru li mhux xi pjaċir tużah imma aħjar hekk milli tlaqqat xi marda.

Mhux qiegħed ngħid li l-kondom huwa s-soluzzjoni tal-problema. Il-kondom għandu ċertu suċċess u mhux infallibbli. Kemm hu ‘safe’ jiddependi fuq liema marda qegħdin nitkellmu għax mhux effettiv l-istess għal kull marda. Hemm ċertu mard li l-kondom ftit huwa effettiv… hemm oħrajn fejn huwa effettiv ħafna.



Imma bil-kondom il-mard xorta jgħaddi?



Hemm ħafna “ifs” and “buts”. Ġeneralment meta kondom ifalli r-raġuni tkun għaliex ma jintużax tajjeb. Ħafna ma jafux jużawh. U tkun taf tużah billi jgħallmek xi ħadd. U allura hawn nerġgħu nduru għall-edukazzjoni sesswali.

Mhux lakemm taqbad u tuża kondom … trid tkun taf tużah. Imbilli jkun hemm l-istruzzjonijiet fil-kaxxa, jekk individwu jkun Paceville mhux se joqgħod jaqra l-istruzzjonijiet. L-iktar jekk ikun xorob! U biex ikun effettiv il-kondom irid jintuża mill-A saż-Ż. Mentri ħafna jużawh fl-aħħar sekonda… kważi kważi jużawh biex it-tfajla jew il-mara ma tinqabadx tqila.

Barra minn hekk jekk nieħdu l-virus tal-felul dan jaffettwa l-ġilda kollha madwar il-parti ġenitali u ma tistax tippretendi li l-kondom se jkun daqshekk effettiv għax mhux se jkun.



Min jiġi għandkom l-iktar: żgħażagħ jew adulti?



Żgħażagħ ta’ 13-il sena ġew u anzjani ta’ 80 sena ġew ukoll. Il-maġġoranza li jiġu huma żgħar għax forsi jkunu iktar attivi sesswalment mill-kbar. Imma jiġu ta’ kwalunkwe età u kwalunkwe professjoni. Is-sess kulħadd jagħmlu.



Imma ż-żgħar jiġu għax ikunu mbeżżgħin li laqtu xi marda jew forsi għax ikunu ġew imbuttati mill-ġenituri biex jagħmlu t-test?



Imbuttati mill-ġenituri le. Jiġu minn jeddhom jew għax iħossu xi sintomi jew għax ikunu konxji li ħadu riskju. Per eżempju, jagħmlu s-sess ma’ xi ħadd li ma jafuhx u allura jiġu jiċċekjaw jekk għandhomx xi ħaġa.



Hawn min għadu jassoċja l-HIV mal-omosesswalità?



Il-problema mhux is-sesswalità tiegħek imma x’tagħmel u ma’ min. Tista’ tkun omosesswali, ikollok partner wieħed u tkunu leali lejn xulxin u għalhekk ma tkunx problema. Imbagħad tista’ tkun eterosesswali u tmur ma’ dak jew mal-oħra. Hemmhekk il-problema għax jista’ jkollok iżjed mard mill-omosesswali. Mhux it-tabella tas-sesswalità tiegħek li tgħodd… x’tagħmel waqt is-sess li jgħodd.



Min jieħu l-HIV żgur se jispiċċa bl-AIDS? U jekk le x’jikkawża l-AIDS?



Meta ngħidu li persuna hija HIV Positive jiġifieri ġiet infettata bil-virus HIV. Min ikun infettat jista’ jqatta ħafna snin fejn iħossu b’saħħtu imma matul dawk is-snin il-virus ikun qiegħed inaqqarlu s-sistema immunitarja tiegħu li tiddefendi lill-ġisem mill-mard. Eventwalment jista’ jbaxxiha sal-punt fejn il-pazjent jista’ jispiċċa jlaqqat kull infezzjoni li jista’ jieħu. U dak huwa l-istadju li ngħidulu AIDS.

Illum il-ġurnata ma tantx għadek taraha din il-marda fil-pajjiżi li għandhom il-flus biex jixtru l-mediċini. Għax il-mediċini li hawn illum, għalkemm ma jfejjqux lill-pazjent, iżommu l-HIV kwiet. Inkluż f’Malta. F’dawk li jieħdu t-trattament kif suppost diffiċli li l-virus jiżviluppa f’AIDS. Ara fl-Afrika u fil-pajjiżi foqra li m’għandhomx flus biex jixtru l-mediċini l-AIDS issibha ħafna iktar.



Imma persuna li jkollha HIV ma jistax ikollu kuntatt sesswali mal-partner għax inkella tista’ tgħaddi l-virus…



Il-virus ma jgħaddix fiż-żgur. Nafu b’koppji fejn persuna jkollha l-HIV u s-sieħeb jew sieħba tagħha le, it-tnejn jafu b’dan u jibqgħu jagħmlu s-sess mingħajr kondom. Ħafna koppji jibqgħu ma jieħdux il-virus għal ħafna żmien. Jiġifieri mhux neċessarjament jeħduh għax jiddependi fuq liema stadju tal-marda jinsab fiha l-infettat. U jekk hux jieħu t-trattament għax jekk qiegħed jieħdu l-virus huwa iktar baxx.



Jekk pazjent jiġi għandkom u jinstab li għandu xi marda sesswali tinfurmaw lis-sieħeb jew sieħba tiegħu? Għax jekk raġel imur ma’ mara li mhix martu u ħa virus il-mara tiegħu ma tkunx fil-periklu jekk ma tkunx infurmata u jkollhom x’jaqsmu flimkien?



Il-prinċipju tagħhna huwa li l-klinika hija kunfidenzjali mhux 100 fil-mija imma 200 fil-mija. Tant hi kunfidenzjali li kull pazjent nagħtuh numru. Ħalli anke t-testijiet isiru fuq in-numru mhux fuq isem. Il-pazjent faċlilment jista’ jagħtini isem falz. Ma jimpurtanix. Ma narax il-karta tal-identità. Il-kunfidenzjali hija assoluta. Ma nagħtu informazzjoni lil ħadd.

Jekk insibu infezzjoni f’xi ħadd aħna nagħmlu mill-aħjar li nistgħu biex ninkoraġixxu lill-pazjent jgħid lis-sieħeb jew sieħba tiegħu. Ħalli huma ukoll jiġu jagħmlu ‘check-up’. Jekk il-pazjent ma jkunx irid, għax forsi jistħi, nistaqsuhom jagħtuna d-dettalji u nċemplulhom aħna. Qatt ma nsemmi min qalli imma ngħidilhom li għandhi x’nifhem li ġew f’kuntatt ma’ infezzjoni u allura nħeġġiġhom jiġu l-klinika.

Dan dejjem qegħdin nassumu li l-pazjent ikun jaf min kien il-‘partner’ tiegħu. Għax isir ħafna ‘casual sex’, ta’ darba, fejn allura diffiċli ssib l-individwu. Forsi kien barrani u siefer speċjalment fis-sajf.

Il-problema tkun jekk ikun hemm marda serja u l-pazjent ma jkunx irid jgħid lill-‘partner’ tiegħu. U dik dilemma kbira li fil-każ tal-HIV hija ċara. Imma fir-rigward tal-HIV biss.



X’jiġifieri ċara?



Jekk għall-argument nieħdu l-‘guidelines’ tal-Kunsill Mediku Ingliż jgħidlek li jekk jiġi xi ħadd, jinstab li huwa ‘HIV Positive’ u għandu ‘partner’ allura għandu jinkoraġġi il-istess ‘partner’ biex jiġi jew tiġi ħalli nittestjawh jew nittestjawha ukoll. U nagħtuh ċans għax mhux faċli li tgħid lill-‘partner’ tiegħek li għandhek l-HIV. Mhux se taqbad tagħmilha mil-lum għal għada.

Jekk il-pazjent jibqa’ jinsisti li ma jridx jgħid lill-‘partner’ tiegħu, fil-każ tal-HIV jien obbligat li ninforma lill-‘partner’. Obbligat ukoll li ninforma lill-pazjent li jekk mhux se jgħid lis-sieħeb jew sieħba jkolli ngħidilhom jien. Għax hija ħaġa serja. F’mard ieħor imma m’għandix l-istess ‘backing’ tal-‘guidelines’.



Imma taħseb li għandu jkun hemm gwida biex jekk pazjent ikollu virus u s-sieħeb jew sieħba tiegħu jkun jew tkun fil-periklu allura jiġi infurmat jew tiġi infurmata?



Domanda diffiċilissa. Għax imbagħad trid teħodha mil-lat l-ieħor. Jekk toħroġ liġi li bilfors il-pazjent irid jgħid lill-‘partner’ allura l-kunfidenzjalità spiċċat. U jaf ħadd ma jibda’ jiġi għax jibda jibża’.

Il-qafas fundamentali ta’ din il-klinika huwa li n-nies jiġu b’moħħhom mistrieħ li hija kunfidenzjali … kif tkisser dik il-kunfidenzjalità, tajbin kemm huma tajbin l-għanijiet tiegħek, “its going to backfire”. F’sitwazzjoni bħal din mhux faċli tiddeċiedi.



Ġieli kellkom sitwazzjonijiet bħal dawn?


Dażgur li kelli. Aħna lill-pazjenti nagħtuhom karta bin-numru tiegħu u mhux l-ewwel darba li s-sieħeb jew sieħba tal-persuna jiskopru l-karta u jċemplulna biex jistaqsuna x’għandu r-raġel jew il-mara. Imma aħna ma nistgħu nagħtu l-ebda informazzjoni. Il-kunfidenzjalità medika tinsab fil-liġi. Lanqas lill-Pulizija ma nista’ nagħtihom informazzjoni. Irid jordnali maġistrat jew imħallef f’qorti u anke hemm dik l-informazzjoni nagħtiha bil-bibien magħluqa u mhux f’awla qalb in-nies. Darba tajt xiehda fis-sigrieta tal-maġistrat.

Dawn affarijiet delikattissimi. Bħalma qassis jista’ jkollu dilemma meta xi ħadd jiġu jqerr għandu daqstant ieħor aħna jkollna dilemmi f’ċertu każijiet li niltaqgħu magħhom.

No comments:

Post a Comment