http://www.it-torca.com/news.asp?newsitemid=7698
21.12.8 minn Iddisgustat, Santa Luçija
Naqbel mal-korrispondent li kiteb l-ittra “Il-pożizzjoni tal-Vatikan” tal-14 ta’ Dicembru u nixtieq nidħol iktar fil-fond tal-argument biex wieħed jara l-ipokresija ta’ dawn in-nies li jippretendu li għandhom xi monopolju fuq dak kollu li hu tajjeb.
Kelliema għall-Vatikan qiegħdin jgħidu li huma jaqblu li għandu jkun dekriminalizzat li wieħed ikun omosesswali. Imma, qiegħdin jgħidu, kif inhi l-proposta wieħed iħalli miftuħin il-bibien biex isiru legali żwiġijiet bejn nies gay u lesbiċi u wkoll li dawn il-koppji jkunu jistgħu jadottaw it-tfal.
Skużi tafux, imma kif tridu tindaħlu x’jagħmlu l-individwi b’ħajjithom? Intom għixu ħajjitkom kif tridu u ħallu lil ħaddieħor jgħix ħajtu kif irid hu. Jekk kif tgħixu ħajjitkom taħsbu li qtajtu passaġġ first class għall-ġenna, gawduh. U jekk taħsbu li għax tnejn gay jew lesbiċi jiżżewġu se jmorru l-infern, ħallihom imorru hemm la jridu. Forsi la jemmnu bil-ġenna u lanqas bl-infern, u jemmnu biss fil-ħniena mmensa t’Alla. Avolja kien hemm ras kbira bis-suttana li kien qalilna li l-ġenna u l-in-fern mhumiex postijiet imma stat tar-ruħ!!!
Biss, ħalli naraw fejn hija l-ipokresija grassa ta’ min jaħseb li għandu monopolju tat-tajjeb u għandu dritt u monopolju fuq Alla!! Għalkemm jien nemmen li Alla ma hu monopolju ta’ ħadd u tal-ebda reliġjon. Alla huwa ta’ kull individwu.
Mela, dawn l-ipokriti jgħidu li jekk dawn il-miżżewġin gay u lesbiċi jkunu fdati lilhom it-tfal b’adozzjoni, dawn jistgħu jkunu abbużati mill-istess koppji. Qed tara xi qdusija!! Mela mhux kulħadd jaf bl-abbużi li saru u għadhom isiru fuq tfal minn qassisin, sorijiet u lajċi reliġjużi pedofili fuq tfal fdati lilhom ġo istituti u postijiet suppost ta’ tagħlim?
Staqsu lil mijiet ta’ tfal innoċenti li ntbagħtu lejn l-Awstralja biex jieħdu ħsiebhom il-qassisin! Staqsu lit-tfal li għaddew mill-istituti u soċjetajiet oħra, għalkemm huma ftit li jsibu l-kuraġġ li jiftħu qalbhom u minflok iżommu l-feriti misturin ġo fihom! U mela joqogħdu jilagħbuha tal-qaddisin! Ħarsu lejn il-ħmieġ tal-papiet ta’ sekli oħra, u taraw fejn hi l-qdusija! Il-knisja għalhekk kienet trid li wlied il-ħaddiema ma jitgħallmux skola, biex ħmieġhom ma jsirux jafuh u jkunu jistgħu jżommuhom ipnotizzati bil-biża’ tal-infern! Min jaf min imur l-infern!? Ara Dante tgħidx kemm ra papiet, kardinali, isqfijiet, qassisin u sorijiet jitpaxxew fl-infern! U Dante kien jaf x’qed jgħid għax għex il-ħmieġ ekkleżjastiku ta’ żmienu!
Mela qabel nikkundannaw lil min irid jgħix ħajtu xort’ oħra minn tagħna, ejja nneħħu l-ipokresija gargantwana li aħna mdawrin biha u ma nippruvawx inkunu mħallfin fuq bnedmin bħalna.
Dak li għedt huwa kollu mniżżel, u min irid faċli jsibu u jaqrah. Jiena nħeġġeġ lill-poplu jaqra u jaqra biex jiftaħ moħħu u ma jħallix lil min jipprova jimponi fuqu antikalji ta’ biża’ mill-infern u nterdetti u skomuniki, li jmorru kontra d-dritt li individwu għandu li jgħix ħajtu kif jixtieq hu fil-limiti li tagħtih il-liġi. Veru li l-liġi Maltija, għalissa, ma tarafx ħafna minn dawn id-drittijiet, imma d-dinja tinbidel u l-mewġ ma jżommu ħadd, lanqas l-ipokriti arroganti li jippretendu li jitkellmu f’isem Alla.
No comments:
Post a Comment