Monday, 29 December 2008

It-Torċa: Ġenna jew Infern? Divorzju jew Ċelibat? Fidi jew Superstizzjoni?

Dan l-artiklu mhux fuq il-website tat-Torċa s'issa
Għalkemm ma jissemewx nies gay f'dan l-artiklu, naħseb li hu interessanti għal dan il-Blog.
28.12.8 mistoqsija għal Fr. Colin Apap

Għażiż Father Colin,
Jiena xettiku ħafna u ħafna mill-"after Life". Jiena nemmen li meta tmut jispiċċa kollox u la hemm Ġenna u lanqas Infern, u dan skont it-tagħlim li jiena ħadt kemm mill-Museum u anke mill-Iskola li tgħallmet u li tani ċ-ċans li naħseb b’moħħi. Aħna mgħallmin li Alla jaf kollox minn qabel ma nitwieldu sakemm immutu u li jaf eżatt x’se jiġri minna.

L-Iben t’Alla ġie fid-dinja ħa l-passjoni biex isalva l-erwieħ, u dan għamlu għax ried hu. Issa jiena naħseb li persuna li lesta li tieħu l-mewt għalik żgur mhix se tħallik tiġi fid-dinja biex finalment tispiċċa l-Infern. Aħna ningħataw żewġ għażliet jew triq għall-Ġenna jew għall-Infern u l-għażla nagħmluha aħna. Però l-Mulej, għax jaf kollox, jaf liema triq ħa nagħżel, allura Dan se jippermetti li nitwieled biex finalment immur l-Infern, għax bħalma għedt Dan qabel twelidt jaf x’se jsir minni.

Apparti dan, jekk id-dnub ġej mix-Xitan għax il-Mulej ma jneħħilux is-saħħa kollha li dan jgħidu li għandu u b’hekk ħadd ma jidneb u żgur kulħadd li jmur il-Ġenna.

Xi ħaġa dwar id-divorzju. Jiena ilni miżżewweġ 42 sena u kont u għandi kuntent però naqbel ħafna mad-divorzju għal dawk li huma sfortunati u li m’għandhomx ċans li jerġgħu jibdew familja ġdida u dan għax il-Knisja Maltija hija kontra totalment kontra dan id-dritt u forsi l-Parlament minħabba l-voti u l-poter qiegħdin forsi joqogħdu lura. Int taf aktar minni li dan hu Sagrament però anke l-Ordni Sagra hija Sagrament imma hemm diversi qassisin li telqu u setgħu jiżżewġu u dan hu li forsi lill-poplu qed iħawdu.
Il-knisja għandha diversi proprjetà li kienet imħollija lilha mill-poplu (qabel minħabba l-injoranza li kien hawn kienu jgħidulhom fuq l-għatba tal-mewt biex taħseb għal ruħek) u mbagħad tmur tixtri biċċa art mingħandhom u tħallas il-belli Liri. Miniex qed ngħid li ma tagħmilx ġid però hija materjali wisq, jien għax kont ngħix barra nista’ forsi nara aktar id-differenza.

Konfuż

Ġenna jew Infern? Divorzju jew Ċelibat? Fidi jew Superstizzjoni?

Li tkun xettiku u tagħmel mistoqsijiet ifisser li qed tuża t-talenti u l-intelliġenza li Alla tak. Hekk għandek tagħmel! L-intelliġenza tgħallimni wkoll li hemm realtajiet li ebda intelliġenza ma tista’ tifhem. Ebda intelliġenza ma tista’ tifhem l-eżistenza t’Alla u min Hu Alla.

Imma l-intelliġenza umana tgħinni niskopri l-attributi ta’ Alla u b’hekk b’xi mod, nifhmU aħjar. Għoġbitni din ix-xbieha: immaġina kamra kollha sewda, b’ħitan suwed, art sewda. Hemm żewġ żeffiena jiżfnu. Mara bjonda liebsa l-abjad u raġel iswed liebes kollu iswed. Inti tara l-mara tiżfen, tinduna li hemm xi ħadd li qiegħda tiżfen miegħu, li qed jagħtiha l-pass u r-ritmu. Imma lilu ma tarahx. Taf li qiegħed hemm; taf li jeżisti; qed tara l-konsegwenzi tal-preżenza tiegħu imma lilu ma tarahx. Hekk ukoll hafna drabi Alla. NiskopruH minn għemilu; mill-konsegwenzi tal-preżenza tiegħU. Inti tħoss li wara din il-ħajja m’hemm xejn; jispiċċa kollox: il-bniedem jispiċċa bħall-annimal. Jitwieled, jgħix, imut. U jispiċċa kollox. Hija viżjoni riduttiva tal-bniedem u d-destin tiegħu. Inti tħoss li la Alla jaf kollox, jaf li persuna se tagħmel għażliet f’ħajjitha li tiċħdu. Allura la jaf minn qabel ifisser li Huwa Alla stess li qed jibgħatu l-"infern" jew il-"ġenna".

L-ikbar rigal li Alla tana hija l-libertà. Iva, jaf li se nabbużaw minnha din il-libertà u jaf li se nużawha tajjeb. Din bħal missier li jaf li jekk jagħti l-karozza f’idejn ibnu ta’ 18-il sena jista’ jkorri bħalma ġieli korra qabel. Jgħidlu biex joqgħod attent. Jgħallmu. Imma jħallih ħieles anki jekk jaf li jabbuża mis-sewqan, jew mid-droga jew mis-sess... Allaħares kull abbuż li wieħed jagħmel ikun ifisser li Alla jaqtagħlu kull libertà li jabbużax

Il-fatt li persuna tkun taf minn qabel x’se jiġri ma jfissirx li għandu jneħħi valur iktar importanti li huwa l-libertà. Min jaf kemm-il darba ngħid lil xi koppja li qed narahom immaturi għaż-żwieġ u li dak iż-żwieġ se jfalli. Imma xorta waħda l-għażla hija ħielsa li jagħmlu li jħossu. Anki jekk wara sena jiġu jibku biex iħassru ż-żwieġ. Għax Alla ta l-libertà lill-bniedem meta dan tant jabbuża minnha huwa misteru. Ara kemm saru gwerrer, ġenoċidji, qtil, abbużi għax il-bniedem hu ħieles li jagħmilhom. Kieku Alla ipprogramma lill-bniedem bħala robot li jagħmel biss dak li hu programmat kien ikollna umanità ta’ robots u mhux ta’ bnedmin.

Kristu miet għall-bnedmin kollha minkejja li bħala Alla jaf li mhux kulħadd se jilqa’ s-sagrifiċċju suprem li għamel. Din hija l-imħabba infinita li Alla, li Huwa mħabba, biss kapaċi jagħmel. Ix-xitan għandu saħħa daqskemm il-bniedem fil-libertà tiegħu jagħtihielu. Ma nistax noqgħod inwaħħal fix-xitan ta’ kull abbuż li nagħmel mil-libertà tiegħi.

Dwar id-divorzju u l-indissolubbiltà taż-żwieġ: il-Knisja ma tistax tgħallem għajr it-tagħlim ta’ Kristu. Huwa Kristu li jgħallem kontra d-divorzju. Il-Knisja qiegħda ttenni t-tagħlim tiegħU. L-istat, li hu awtonomu mill-knejjes, ifittex il-ġid komuni taċ-ċittadini tiegħu kollha. L-istat hu ħieles li jilleġiżla liġijiet li jħarsu d-drittijiet tal-indivdwu u tas-soċjetà. Fejn tidħol ir-realtà taż-żwieġ u l-liġi f’Malta għandna rebus sħiħ li l-istat qed jabdika milli jiċċara. Artiklu ta’ Anna Mallia fil-Malta Today tal-Ħadd 14/12/08 jelenka l-abbużi dwar divorzji ta’ Musulmani, ta’ Maltin jgħixu Malta li jġibu d-divorzju minn barra u jirreġistrawh hawn Malta, eċċ., eċċ. L-istat irid jafferma l-awtorità tiegħu u jagħmel ħażin ħafna li jagħlaq għajnejh għal din il-ġungla ta’ legiżlazzjoni. Jekk il-partiti politiċi jibżgħu li jitilfu l-voti, allura ma jistħoqqilhomx jiggvernaw. Il-kriterju tal-azzjonijiet tagħhom għandhom ikunu l-ġid komuni u d-drittijiet ta l-individwu u mhux kemm se jakkwistaw voti.

Li saċerdot kattoliku jista’ jakkwista d-dispensa miċ-ċelibat u jiżżewweġ ikun qed isegwi proċedura li tolqot id-dixxiplina tal-Knisja Kattolika Rumana. Ma jkunx qed imur kontra xi ħaġa essenzjali mis-saċerdozju li Kristu waqqfu u tah lill-Papa u l-ewwel isqfijiet li kollha kienu miżżewġa. Id-dixxiplina taċ-ċelibat, li qassis kattoliku ma jiżżewwiġx, ġiet wara ħafna. Hi dixxiplina li tista’ titbiddel jekk il-Papa jew il-Konċilju jiddeċiedu li jerġgħu jaffirmaw is-saċerdozju bħal tal-ewwel żminijiet tal-Knisja. Iċ-ċelibat tas-saċerdot Kattoliku jinftihem daqskemm wieħed jifhem li s-saċerdot huwa Kristu ieħor; Kristu li kien ċelibi biex ikun kollu ta’ Missieru. Huwa mod ta’ għażla t’Alla. L-ewwel Papa u l-ewwel appostli għamlu l-istess għażla b’mod ieħor. Iċ-ċelibat tal-qassis kattoliku u d-divorzju huma żewġ realtajiet li m’għandhomx x’jaqsmu.

Dwar il-proprjetà tal-Knisja: m’għandix dubju li bosta mill-kattoliċi ħallew u jħallu proprjetà lill-Knisja (artijiet, dehbijiet, flus, eċċ., eċċ.) għax huma konvinti li bil-proprjetà tagħhom huma ħielsa li jagħmlu dak li jħossu l-aħjar li jagħmlu. Jekk xi ħadd iġiegħel lil xi ħadd jagħtih proprjetà bilfors jew bit-theddid jew b’wiegħdi fiergħa ikun qed jabbuża, ikun min ikun. Imma jiena ċert li missirijietna żejnu l-knejjes tagħna, taw u sebbħu statwi fil-parroċċi bħala espressjoni ta’ mħabba u fidi lejn il-Knisja u l-qaddisin protetturi tagħhom. M’għandix dubju wkoll li ħafna minn missirijietna ħal-lew ġidhom lill-Knisja għax fehmu li fil-Knisja se jkunu ta’ iktar ġid milli tawhom lil xi neputijiet jew familjari li l-unika mħabba li għandhom għalihom hija daqskemm jirtu mingħandhom.

No comments:

Post a Comment