Din l-ittra mhix fuq is-sit it-torca.com s'issa
21.12.8 minn Joseph Carmel Chetcuti
F’ittra li dehret f’Il-Ġens (11 ta’ Diċembru), patri Mario Attard jikteb li "is-Santa Sede dejjem kienet kontra d-diskriminazzjoni ta’ l-omosesswali." Iktar tard fl-istess ittra, patri Attard jikkwalifika dak li kien għadu kif kiteb meta jżid li l-knisja hi biss kontra d-diskriminazzjoni inġusta. Fi ftit kliem, is-Santa Sede temmen li hemm u li għandu jkun hemm diskriminazzjoni kontra l-omosesswali basta li din id-diskriminazzjoni tkun ġusta. B’kull rispett lejn patri Attard, hemm qabża kbira bejn kundanna ta’ kull tip ta’ diskriminazzjoni kontra l-omosesswali u diżapprovazzjoni biss ta’ dik id-diskriminazzjoni li, skond is-Santa Sede, ma tkunx ġusta. Skond patri Attard ukoll, Patri Federiko Lombardi, direttur ta’ l-istampa Vatikana, qal "Li ħadd ma jrid jiddefendi l-piena tal-mewt għall-omosesswali." ‘ħabib, insejt x’hemm miktub fl-imbierka Skrittura: "Raġel li jagħmel ma’ ieħor bħal ma’ mara, għamlu t-tnejn ħaġa moqżieża; jagħtuhom il-mewt, huma ħatjin ta’ mewthom": Levitiku, 20:13. L-iskrittura tapprova mhux biss id-diskriminazzjoni (ġusta u inġusta) kontra l-omosesswali imma wkoll il-persekuzzjoni ta’ l-omosesswali, persekuzzjoni li saħansitra twassal (u skond l-iskrittura, għandha twassal) għall-piena tal-mewt.
Il-mibegħda ta’ dik il-knisja li ssejjaħ lilha nfisha waħda, kattolika u rumana lejn l-omosesswali hi profonda. Tant hi profonda li anke nsibu lil min jgħawweġ l-iskrittura ghal raġunijiet perversi tiegħu jew tagħha. Skond il-Bibbja maqluba għall-Malti mill-"ilsna oriġinali" minn Monsijur Professur Saydon (Librerija Preca, 1995), per eżempju, insibu lil San Pawl jikkundanna lill-omosesswali (prattikanti jew le!) (Korintin 6:9), kelma u ma kinetx teżisti f’dawk iż-żmenijiet li San Pawk kiteb l-ittri tiegħu (dejjem jekk kitibhom hu). U biex nifthemu, San Pawl kien bħali wkoll ... ma kienx miżżewweġ! Iva, l-orjentazzjoni u l-imħabba omosesswali huma ta’ l-istess valur (la iktar u anqas inqas) minn dawk eterosesswali. U iva wkoll, l-omosesswali għandhom l-aġenda tagħhom: UGWALJANZA. Kif il-knisja għandha l-aġenda tagħha: DISKRIMINAZZJONI kontrina. Ma nridu mogħdrija minn ħadd, iktar u iktar minn nies li ma jiżżewwġux bl-iskuża li għandhom vokazzjoni minn Alla. Fuq nota personali, osservajt wkoll li biċċiet mill-ittra ta’ patri Attard mhumiex differenti minn siltiet li dehru f’rapport bl-isem ta’ "Church doesn’t favour discrimination against homosexuals." Forsi din hi koinċidenza ... jew każ ieħor ta’ intervent divin! Fl-aħħar mill-aħħar, kif ngħidu aħna (u skużawni li se ntemm bl-Ingliż), God works in mysterious ways!
No comments:
Post a Comment