http://www.it-torca.com/news.asp?newsitemid=7679
14.12.8, minn Mark Scerri, Ħ’Attard
Nixtieq nuri il-kundanna tiegħi għall-pożizzjoni li ħa l-Vatikan rigward ir-riżoluzzjoni tal-Unjoni Ewropea fil-Ġnus Magħquda biex l-omosesswalitá tkun dekriminalizzata mad-dinja kollha. L-iskuża li ġab il-Vatikan hija totalment pwerili u wieħed jissuspetta li taħbi skopijiet ulterjuri.
Din il-pożizzjoni tfakkarni fil-persekuzzjonijiet tal-komunitajiet tal-gays min-Nażisti u hija ferm ’il bogħod mill-attitudni mistennija minn knisja li ssejjaħ lilha nnifisha “universali”.
Tajjeb li l-qarrejja jkunu jafu li f’ċerti pajjiżi fundamentalisti Iżlamiċi, l-omosesswalità għadha suġġetta għall-piena tal-mewt, u milli jidher il-Vatikan qed jaqbel ma’ din il-vjolazzjoni lampanti tad-Drittijiet tal-Bniedem. Dan hu li jrid il-Vatikan? Li tkun Nisrani hekk ifisser? Din mhijiex kontradizzjoni meta wieħed jiftakar li l-Vatikan iddikjara ruħu kontra l-piena tal-mewt?
Nixtieq inkun naf is-Santa Sede x’għandha lest għalina fil-futur, forsi bi ħsiebha terġa’ twaqqaf l-inkwiżizzjoni, terġa’ tibda il-kaċċa għas-sħaħar u il-ħruq tal-eretiċi? B’Papat daqshekk anakronistiku bħal ta’ Josef Ratzinger... kollox possibbli.
No comments:
Post a Comment