http://www.it-torca.com/news.asp?newsitemid=11818
26.6.2011
Skont l-isqof t'Għawdex aktar lajċi kattoliċi għandhom ikunu mħeġġa biex jidħlu fil-politika. B'hekk id-dutrina soċjali tal-Knisja tkun imbuttata 'l quddiem u jieqfu lil min irid idaħħal politika 'ateista' f'pajjiżna.
F'laqgħa tal-Kunsill Presbiterali fid-djoċesi ta' Għawdex, li saret nhar is-Sibt 19 ta' Ġunju u li matulha kienet analizzata l-kampanja referendarja dwar id-divorzju, l-isqof Mario Grech saħaq dwar l-importanza li jkun hemm sehem akbar ta' lajċi 'ffurmat fil-fidi' fil-partiti politiċi. Skont l-isqof, il-parteċipazzjoni tagħhom għandha tkun importanti biex 'jimminimizzaw il-ħsara li tista' ssir' jekk jitressqu proposti li jmorru kontra d-duttrina tal-Knisja. Dan b'referenza partikolari għaż-żwieġ bejn l-omosesswali u l-inseminazzjoni artifiċjali (IVF). Huwa nsista fuq il-ħtieġa li tinżamm l-għaqda fid-djoċesi u li jkun hemm dik li sejjaħ bħala 'azzjoni unitarja'.
Monsinjur Grech fetaħ id-diskors tiegħu lil dawk preżenti billi wissihom li l-Knisja trid tilqa' għar-realtà tal-familja wara li għadda r-referendum. Huwa qal li l-aktar li jħassbu huwa 'l-ateiżmu, li nibnu soċjetà mingħajr Alla bil-konsegwenza li mbagħad anke jkollna antropoloġija difettuża.' B'referenza indiretta għas-sitwazzjoni f'Malta, fejn fi ħdan il-Knisja kien hemm diversi vuċijiet li bdew iwasslu messaġġi differenti minn xulxin, l-isqof t'Għawdex tenna l-apprezzament tiegħu li matul il-kampanja referendarja 'f'Għawdex kellna vuċi waħda.'
Fost ir-reazzjonijiet li kien hemm matul din il-laqgħa reġa' kien hemm attakk fuq il-midja u ntqal li dawn 'għamlu ħafna ħsara, qajmu pjagi tal-antik u tambru fuq il-messaġġ tagħhom favur id-divorzju.' Madankollu, ntqal ukoll li dan m'għandux iwassal biex il-Knisja tirtira mill-midja, imma trid 'issaħħaħ il-preżenza tagħha f'din il-pjazza ta' żmienna.'
Kien hemm kritika wkoll għal 'ċertu diżgwid minħabba nuqqas ta' qbil fid-diskors dwar id-divorzju bejn l-istess nies tal-Knisjali ġieli taw tifsir li żvija lin-nies.' B'mod indirett, din il-kritika kienet aktar iddirezzjonata lejn dak li ġara f'Malta, peress li dawk preżenti rrikonoxxew li f'Għawdex kien hemm kordinazzjoni sħiħa mal-isqof u l-messaġġ kien wieħed 'unitarju'. Dawk preżenti ammettew li għalkemm għadha teżisti 'ċerta reliġjożità, imma s-sens ta' Alla u tad-dnub ġieli jonqsu; il-mentalità tan-nies inbidlet u huma sensittivi li l-Knisja ma timponix fuqhom.' Għalhekk, intqal, il-Knisja m'għandhiex tieqaf tilmenta fuq li ġara 'imma naqraw is-sinjali taż-żminijiet: f'dan il-mument ta' grazzja, nagħmlu awtokritika u pjan ta' ħidma', li fost oħrajn jinkludi li 'nkomplu nsaħħu l-liturġija fl-ispirtu tagħha, partikolarment il-Quddiesa tal-Ħadd, il-katekesi u l-ħidma ta' karità li tagħmel il-Knisja.'
No comments:
Post a Comment