http://www.l-orizzont.com/news.asp?newsitemid=62882
19.5.10 minn Charmaine Craus
Minn fost 11-il pajjiż Ewropew li ħadu sehem fi stħarriġ, huma l-istudenti Maltin l-iżjed li jaħsbu li fl-iskejjel teżisti problema kbira ta’ ‘bullying’ fost l-istudenti.
Fi stħarriġ li sar mill-British Council, mifrux fuq medda ta’ tliet snin, jirriżulta li 62 fil-mija tal-istudenti Maltin jikkunsidraw li l-‘bullying’ hija problema kbira hawn Malta.
Bi 48 fil-mija tal-istudenti, imbagħad kien hemm il-Portugall u Wales, bħala dawk li wkoll iħossu li hemm problema ta’ ‘bullying’ fl-iskejjel, bl-inqas problema, skont l-istudenti stess, tinħass fost l-Ispanjoli.
Minn dan l-istħarriġ irriżulta li 46 fil-mija tal-istudenti jaħsbu li hija l-orjentazzjoni sesswali l-akbar problema li twassal għal ‘bullying’ fl-iskejjel. It-tieni l-akbar problema mbagħad hija l-apparenza fiżika bi 42 fil-mija u d-diżabilità b’35 fil-mija.
Il-pajjiżi l-oħrajn li ħadu sehem fl-istħarriġ huma l-Italja, l-Olanda, il-Belġju, l-Ingilterra, l-Iskozja, il-Greċja u l-Ġermanja. Dan l-istħarriġ sar f’iżjed minn 50 skola mifruxin f’dawn il-pajjiżi, bis-sehem ta’ iżjed minn 4,200 student, fid-dawl tal-fatt li hekk kif il-popolazzjoni ta’ tfal ta’ immigranti qiegħda dejjem tiżdied, l-iskejjel qegħdin, kulma jmur, jiffaċċjaw problemi akbar.
Mistoqsijin jekk qattx kellhom esperjenza ta’ ‘bullying’ fl-iskola, kienu 17 fil-mija tal-istudenti Maltin li wieġbu li għaddew minn din l-esperjenza. Dan kien l-ogħla persentaġġ fost l-istudenti ta’ pajjiżi oħrajn. Imbagħad kien hemm 14 fil-mija tal-istudenti Ingliżi u 12 fil-mija tal-istudenti ta’ Wales.
Il-persentaġġ ta’ studenti Maltin, dak ta’ 28 fil-mija, kien l-ogħla wieħed meta ġew mistoqsijin jekk f’dawn l-aħħar tliet xhur, għaddewx minn esperjenzi ta’ ‘bullying’ minħabba l-kulur tal-ġilda, reliġjon, l-istil ta’ ħwejjeġ li jilbsu, orjentazzjoni sesswali, reliġjon u razza fost oħrajn.
Dwar l-esperjenza tagħhom matul il-ħin tal-iskola, kienu biss 11% tal-istudenti Maltin li wieġbu li jħossuhom taħt pressjoni.
Madankollu, kienu 65% li qalu li għalihom huwa importanti ħafna li jmorru tajjeb fl-iskola. Kienu l-istudenti Taljani, bi 24% l-aktar li jħossuhom taħt pressjoni waqt il-ħin tal-iskola, filwaqt li l-inqas stressjati huma l-istudenti Griegi bi 3%.
Kienu biss 18% tal-Maltin, l-inqas persentaġġ fost l-istudenti tal-pajjiżi kollha li ħadu sehem, li qalu li l-iskola jinsabu kuntenti. L-aktar studenti kuntenti huma l-Griegi bi 48% jwieġbu hekk. Fuq l-istess argument, kienu 17% tal-istudenti Maltin, l-ogħla persentaġġ fost l-istudenti kollha li wieġbu li mhumiex kuntenti l-iskola. Imbgħad hemm l-istudenti ta’ Wales, b’6%.
Il-Maltin kellhom ukoll l-ogħla persentaġġ, dak ta’ 39%, meta wieġbu li la huma kuntenti u lanqas huma mdejqin l-iskola.
No comments:
Post a Comment