Friday, 28 May 2010

L-Orizzont: F’rapport ta’ Amnesty International dwar il-qagħda d-drittijiet tal-bniedem: Malta akkużata li poġġiet ħajjet migranti fil-periklu

http://www.l-orizzont.com/news.asp?newsitemid=63147
28.5.10 minn Sammy Sammut

Malta u l-Italja ssemmew bl-aktar mod prominenti minn Amnesty International minħabba l-pożizzjoni iebsa li qegħdin jieħdu kontra l-immigranti u l-prattika li dawn qabdu li jibgħatu d-dgħajjes bl-immigranti fuqhom lura lejn il-pajjiżi minn fejn suppost ikunu telqu minnhom, ġieli wkoll mingħajr ma jittieħed kont tal-ħtiġijiet li jista’ jkollhom il-persuni abbord.

Fl-aħħar rapport tagħha dwar il-qagħda tad-drittijiet tal-bniedem f’kull rokna tad-dinja, Amnesty International takkuża lil Malta li poġġiet fil-periklu l-ħajja ta’ migranti u dawk li jkunu qegħdin ifittxu ażil minħabba dewmien f’ħidmiet ta’ salvataġġ fuq il-baħar. Min-naħa l-oħra, dawk l-immigranti li jirnexxielhom jinżlu l-art komplew jinżammu f’detenzjoni u dan bi ksur ta’ stadards internazzjonali. Barra minn hekk, kienu wkoll ikkritikati l-kundizzjonijiet ħżiena li għadhom jinżammu fihom dawk detenuti minkejja l-isforzi li saru mill-awtoritajiet Maltin biex itejjbu xi wħud mill-istess faċilitajiet.

Amnesty International tesprimi t-tħassib tagħha għall-fatt li l-kriżi ekonomika u finanzjarja dinjija wasslet biex tkompli tħeġġeġ aktar d-diskriminazzjoni, r-rażżismu u x-xenofobija fl-Ewropa. “L-emarġinazzjoni kompliet tintensifika fl-2009 kawża tal-biża’ mqanqla mill-kriżi ekonomika, u akkumpanjata f’ħafna mill-pajjiżi b’żieda qawwija fir-rażżismu u diskorsi ta’ mibgħeda fil-pubbliku”, jgħid ir-rapport annwali li għadu kemm kien ippubblikat.

Kundizzjonijiet ħżiena f’postijiet ta’ detenzjoni

L-akbar kritika kontra Malta minn Amnesty International kienet fir-rigward tad-drittijiet ta’ migranti, refuġjati u dawk li jkunu qegħdin ifittxu ażil. Takkuża lill-awtoritajiet Maltin li naqsu milli jipproteġu b’mod adegwat il-ħajja ta’ migranti li kienu ġew salvati mill-baħar, waqt li ssemmi b’mod speċifiku l-każi fejn il-Gvern Malti u dak Taljan ma qablux dwar min minnhom kien responsabbli għal ħidmiet ta’ tiftix u salvataġġ bir-riżultat li damu biex wieġbu għas-sejħiet għall-għajnuna li sarulhom.

Amnesty International fakkret li f’Jannar li għadda, il-Working Group tal-Ġnus Magħquda dwar id-Detenzjoni Arbitrarja kien esprima t-tħassib tiegħu dwar jekk tassew hemmx bażi legali għad-detenzjoni ta’ migranti u dawk li jkunu qegħdin ifittxu ażil. Dan il-Working Group kien innota li d-detenzjoni f’Malta hija awtomatika u mandatorja għall-migranti rregolari kollha, inkluż ukoll dawk li jkunu qegħdin ifittxu ażil. Jgħid ukoll li l-liġi ma tistipulax il-massimu kemm persuna tista’ tibqa’ tinżamm detenuta, u li dan it-tul ta’ żmien ħafna drabi ma jkunx relatat mal-każ partikolari tal-individwu.

Fil-prattika, il-Gvern Malti japplika massimu ta’ sena detenzjoni għal dawk li jkunu qegħdin ifittxu ażil u li l-applikazzjoni tagħhom tkun għadha pendenti. Dawk li jkollhom l-applikazzjoni tagħhom miċħuda kif ukoll l-immigranti rregolari kollha li ma jkunux ġew mġiegħla jmorru lura lejn pajjiżhom jew lejn il-pajjiżi terzi li minnhom ikunu telqu fuq il-baħar, ħafna drabi jinħelsu wara tmintax-il xahar detenzjoni.

Amnesty International tgħid ukoll li huwa kontra l-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem il-fatt li deċiżjonijiet li jittieħdu dwar l-applikazzjonijiet għal ażil u d-detenzjoni jistgħu jiġu kkontestati biss quddiem il-Bord tal-Appelli dwar l-Immigrazzjoni, bord li ma jagħmilx parti mill-ġudikatura.

Amnesty International tisħaq ukoll li l-kundizzjonijiet fiċ-ċentri ta’ detenzjoni għadhom ħżiena. Issemmi l-fatt li fiċ-Ċentru ta’ Ħal Far hemm aktar minn 500 persuna li qegħdin ikollhom jgħixu taħt it-tined. Fl-istess waqt li tagħmel dan, però, tirrikonoxxi l-fatt li l-awtoritajiet qegħdin jipprovaw itejjbu l-faċilitajiet provduti u ssemmi l-ftuħ ta’ faċilità ġdida ta’ detenzjoni f’Ta’ Kandja, u r-rinnovament taċ-ċentru f’Lyster Barracks.

Nuqqas ta’ tolleranza lejn persuni LGBT

Fir-rapport tagħha, Amnesty International tirreferi wkoll għall-fatt li l-awtoritjiet f’għadd ta’ pajjiżi komplew ixerrdu klima ta’ intolleranza lejn komunitajiet ta’ persuni lesbjani, gay, bisesswali u transesswali (LGBT) b’mod li qegħdin jagħmluha ferm aktar diffiċli biex id-drittijiet ta’ dawn il-persuni jkunu tassew protetti.

“Stati membri tal-Unjoni Ewropea (fosthom Malta) komplew jimblukkaw direttiva reġjonali ġdida kontra d-diskriminazzjoni, li sempliċiment timla’ l-vojt legali li jeżisti biex ikunu protetti dawk li qegħdin jesperjenzaw diskriminazzjoni lil ’l hinn minn fuq il-post tax-xogħol tagħhom u dan minħabba d-diżabilità, it-twemmin, ir-reliġjon, l-orjentazzjoni sesswali jew l-età tagħhom”, tgħid Amnesty International.

No comments:

Post a Comment