Wednesday, 19 May 2010

It-Torċa: Diskriminazzjoni sfaċċata ma’ persuni ‘gay’

L-Istat Malti jgħidlu jagħżel... jew jieħu ħsieb il-ġenituri jew jibqa’ mas-sieħeb
16.5.10 minn Victor Vella

Għandu ċittadinanza Maltija u Ingliża. Jgħix barra minn Malta ma’ sieħeb Afrikan. Ommu u missieru huma anzjani u għandhom bżonn xi ħadd li jista’ jieħu ħsiebhom. Binhom lest li jiġi minn barra minn Malta mas-sieħeb tiegħu biex jagħtihom il-kura u jieħu ħsiebhom. L-ostakolu li sabu iżda ġej minn naħa tal-Istat Malti. Dan għax l-istat Malti ma jirrikonoxxix lil din il-persuna u s-sieħeb Afrikan tiegħu bħala koppja. Minħabba dan sieħbu ma jistax jibqa’ jgħix miegħu hawn. Din hi d-dilemma li jinsab fiha bħalissa persuna ‘gay’ li jgħix barra minn Malta, f’każ li jitqies bħala diskriminazzjoni ċara mill-istat Malti ma’ persuni omosesswali.

Dan ħareġ il-bieraħ waqt konferenza stampa organizzata bejn il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Persuni b’Diżabilità bil-kollaborazzjoni tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza bit-tema “Il-Ġlieda kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali bil-ħidma kontra d-Diskriminazzjoni”.

Dan is-seminar qed isir bħala parti minn proġett ta’ sena sħiħa tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità bit-tema ‘Persuni Differenti, Ħtiġijiet Differenti, Soċjetà Waħda’. Din il-konferenza saret fil-ġimgħa li fiha qegħdin isiru attivitajiet bħala parti mis-Sena Ewropea 2010 fil-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali.

Iċ-Chairperson tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità, Joe Camilleri, irrimarka li hemm bżonn li l-gruppi minoritarji fil-pajjiż jingħaqdu bejniethom biex ma jħallux persuni bħal Norman Lowell, ikompli għaddej bl-aġenda tiegħu kontra gruppi minoritarji.

Għamel intervent ukoll Hassan Mohammed Saleban, li jinsab residenti fiċ-ċentru miftuħ ta’ Ħal Far. Qal li l-problemi li jsib f’pajjiżna huma minħabba l-ġilda. Spjega kif jitkeċċa minn ċerti bars sempliċiment għax għandu ġilda ta’ kulur, waqt li tenna li għalxejn tirrapporta l-Pulizija għax ma jieħdux azzjoni. Enfasizza li jsib problemi kbar fuq il-karozzi tal-linja b’xufiera ma jwaqqfulux jew inkella ma jatuhx il-bqija. Mill-banda l-oħra semma’ li f’pajjiżna m’għandu l-ebda problema biex jeżerċità r-reliġjon tiegħu, li hi dik Musulmana.

Matthew Vella mill-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ spjega li llum aktar minn qatt qabel qed ikun hawn żgħażagħ li jispiċċaw bla dar waqt li dawk iż-żgħażagħ li qegħdin joħorġu mill-vizzju tad-droga mhux jingħataw opportunitajiet ta’ mpjieg biex jibdew paġna ġdida f’ħajjithom.

Id-Direttur tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza, Therese Bugeja qalet li: “Bosta nies m’humiex konxji dwar id-drittijiet u l-obbligazzjonijiet relatati mal-ugwaljanza. Għalhekk hu r-rwol tal-Kummissjoni li tqajjem kuxjenza fuq dan ir-rigward permezz ta’ inizjattivi bħalma huma proġetti, taħriġ, riċerka u seminars fost oħrajn.”

Ta’ min jgħid li mijiet ta’ eluf ta’ persuni b’diżabilità huma kkundannati għall-ħajja taħt il-faxxa tal-faqar fl-Unjoni Ewropea. Figuri f’Malta, ibbażati fuq l-istħarriġ riċenti tal-Ewrobarometru juru li d-diżabilità hi fost l-akbar raġuni prevalenti għad-diskriminazzjoni.

No comments:

Post a Comment