Friday, 21 May 2010

L-Orizzont: Il-gays u l-ħbiberija bil-fjuri

17.5.10 minn Bernard Muscat, membru tal-Malta Gay rights Movement jitkellem ma' Gaetano Micallef

Illum huwa l-Jum Dinji kontra l-Omofobija u t-Transofobija. Fi kliem ieħor kontra d-diskriminazzjoni fil-konfront tal-gays u t-‘transgender’. BERNARD MUSCAT, membru tal-Malta Gay Rights Movement (MGRM), jgħid lil GAETANO MICALLEF għaliex dalgħodu fil-Belt se jqassmu l-fjuri lin-nies u jitkellem ukoll dwar x’jaħseb fuq is-sitwazzjoni tal-gays f’pajjiżna.



Persuna titwieled gay jew l-ambjent li titrabba fih tagħmilha gay?

Ir-riċerka mhiex konklussiva però l-maġġor parti tal-esperjenzi huma ta’ persuna li tiskopri l-identità sesswali tagħha hija u tikber bħalma tiskopriha hija u tikber persuna ‘straight’. Allura fl-iżvilupp tagħha l-persuna tasal f’punt fejn jew tħossha attratta lejn persuna tal-istess sess jew persuna tas-sess oppost. Ma naħsibx li l-ambjent jinfluwenza. Kieku stess l-ambjent jinfluwenza kif tispjega l-fatt li ħija ‘straight’?



X’wasslek biex toħroġ fil-mitħuħ? Għax ftit huma l-gays li jitkellmu fil-pubbliku dwar l-orjentazzjoni sesswali tagħhom.

Jien it-tip ta’ persuna li l-passività jddejjaqni. Jekk hemm xi ħaġa li hemm bżonn issir, nemmen fiha u naf li nista’ nagħmel xi ħaġa dwarha ma jirnexxilix noqgħod lura. Jekk naf li nista’ ngħin nipprova ngħin. U fl-MGRM sibt mod kif nista’ ngħin.



Kemm hawn persuni li ħarġu fil-beraħ dwar is-sesswalità tagħhom?

Diffiċli tikkalkula. M’hemm l-ebda statistika li żżomm rendikont ta’ persuni ‘out’. Ipprova aħseb kemm nies li jidhru fil-media huma ‘openly gay’. Ma tantx nista’ naħseb f’ħafna. Ma jfissirx li ma jeżistux. Ifisser biss li qegħdin ngħixu f’sitwaz zjoni u ambjent fejn mhux kulħadd iħossu komdu jesprimi l-identità sesswali tiegħu. Li hija ħasra.



Il-fatt li persuni gay joħorġu fil-beraħ tgħin is-sitwazzjoni jew le?

Naħseb li tgħin għax iġġiegħel lil dak li jkun jirrealizza li l-persuni gay qegħdin kullimkien… jeżistu f’kull strata tas-soċjetà… jagħmlu professjonijiet varji minn tobba sa’ avukati. Tgħin il-viżibilità għax dak li jkun jgħid “ara, dik il-persuna kbirt magħha u bl-ebda mod m’hi differenti llum li naf li hija gay.” U mhux fir-rigward tal-minoranza gay biss. Għax kull minoranza tiffaċċja sitwazzjoni ta’ sterjotipi jew preġudizzju.

Imma iva, li persuna toħroġ li gay tgħin. Ħu l-każ ta’ Harvey Milk li kien politiku Amerikan li għex fis-snin 70.

Ġie assassinat minħabba l-ideat tiegħu. Jekk tara l-film dwaru tara li ġie affrontat minn ċertu nies li qalulu mn’Alla tkellem hu għax ma kellhomx ‘role model’.



Minn dawk li joħorġu fil-miftuħ ftit ikunu nies magħrufin.

Hemm ċertu nies li minħabba l-karigi li jokkupaw u s-sitwazzjoni soċjali li jsibu ruħha fiha jħossu li jkun eħfef jekk ma jkunux miftuħin dwar l-orjentazzjoni sesswali tagħhom. Hija ħasra kbira għax fosthom ikun hemm min qiegħed jaħbi r-relazzjoni ta’ mħabba li jkollu.

Is-sesswalità tal-individwu tmur ferm lil hinn mill-preferenzi sesswali. Hija l-binja ta’ relazzjoni ma’ persuna tal-istess sess li inti tħobb. Immaġina tnejn min-nies tas-sess oppost ikollhom jaħbu r-relazzjoni tal-imħabba tagħhom. Ħadd ma jagħmilha għax hija l-iktar emozzjoni sabiħa din li tħobb lil xi ħadd.

Issa ħafna nies jgħixu realtà fejn iħobbu lil xi ħadd u qegħdin f’relazzjoni kostanti ma’ xi ħadd imma jħossu li għandhom jaħbuha.

Għax jibżgħu minn relazzjonijiet negattivi … minn tal-familja stess … jew fuq ix-xogħol … jew mill-għaqdiet li jiffurmaw parti minnha. Hija ħaġa kerha ħafna li jkollok taħbi xi ħaġa tant għażiża għalik.

U taħseb li f’dan il-każ ma jurux li huma gay jew li għandhom relazzjoni ma’ persuna tal-istess sess għax jibżgħu li jistgħu jitwaqqgħu għaċ-ċajt jew għax jibżgħu li jiġu diskriminati?

Naħseb li t-tnejn. Fi stħarriġ li konna għamilna l-MGRM fl-2008, dawk kienu żewġ affarijiet semmewhomlna… kemm l-umiljazzjoni u anke l-vjolenza. Forsi ma jiġrux daqshekk sikwit daqs bnadi oħra u forsi ma nisimgħux dwarhom daqs kemm nisimgħu bi vjolenza f’pajjiżi oħra imma xorta jiġru.



F’liema sens każi ta’ vjolenza?

Dejjem ikun hemm każi ta’ vjolenza. Anke min-naħa tal-familja li ma taċċettax il-fatt li binhom jew binthom huma gay. Speċjalment jekk il-familja tkun ġejja minn ‘background’ tradizzjonali u allura jekk binhom jew binthom ikollhom orjentazzjoni sesswali differenti minn dak li huma ħasbu li se jkollhom, meta jirrealizzaw li xi ħadd mill-familja huwa gay xi drabi jkun hemm reazzjonijiet negattivi.



Semmejt li l-MGRM ħdimtu biex tonqos l-omofobija. Kemm taħseb li qiegħed jirnexxielkom?

‘It’s a work in progress’. Diffiċli tgħid li wasalna f’punt fejn ma teżistix diskriminazzjoni jew intolleranza kontra l-persuni gay. Imma aħna ma naqtgħux qalbna minn dan. Nittama li jasal il-mument fejn ma jkunx hemm bżonn tal-MGRM jew ta’ għaqdiet oħra li jiġġieldu kontra xi diskriminazzjoni oħra fis-soċjetà.

Għadna ma wasalniex sa’ dak il-punt imma sadanittant se nkomplu nippruvaw nqajmu kuxjenza dwar dak li qegħdin naħdmu għalih. Fil-fatt fl-attività tal-lum se nqassmu fjura għal kull min jixtieq waħda b’sinjal ta’ rispett u kollaborazzjoni mal-pubbliku inġenerali.

Mehmuża mal-fjura se jkunhemm ‘bookmark’ bi kwo tazzjonijiet pożittivi minn persuni reliġjużi fil-konfront tal-omosesswali. Għax it-tema din is-sena hija r-reliġjon.

Nittamaw li bl-attività nqajmu kuxjenza dwar kemm persuni gay huma persuni normalissimi li għandhom l-istess aspirazzjonijiet bħall-persuni straight… li jgħixu l-ħajja bl-‘ups and downs’ bħal ħaddieħor… u li jistħoq­qilhom jiġu trattati bħal ħaddieħor.



Semmejt ir-reliġjon. Kif tħares lejn il-mod li l-Knisja tħares lejkom?

Ir-reliġjonijiet huma wħud minn dawk l-istituzzjonijiet li l-iktar isibuha diffiċli biex jaġġornaw lilhom infushom u jaċċettaw twemmin ġdid.

Wisq nibża li ħafna nies jinterpretaw it-tagħlim b’mod litterali u dan jagħti lok għal miżinter pre tazzjonijiet.

Waqt li wieħed jista’ jemmen li l-iskrittura hija infallibbli, ikun żball kbir jekk wieħed jemmen li l-interpretazzjoni umana tal-iskrittura hija infallibbli.

Jeżistu każi fejn persuni li ġejjin minn minoranza sesswali jħossu li l-kommunitajiet reliġjużi tagħhom ma jilqgħuhomx. Jien ma nħossnix milqugħ minn għaqda li tgħid li aħna ‘intrinsically disordered’.

Għax naf li m’inix. U bl-ebda mod wieħed m’għandu jħalli dan jinfluwenzah għax idea bħal din hija ibbażata fuq xejn ħlief twemmin dogmatiku u antik li nittamaw xi darba jiċċaqlaq …

Kemm taħseb li l-Knisja se tiċċaqlaq u taċċettakhom kif inthom?

Ħa nagħmlu hekk… biex il-Knisja talbet skuża lil Galileo Galilei għall-mod kif trattatu fil-Medju Evu għaddew ħafna sekli. Fl-1992 jidhirli li l-Papa Ġwanni Pawlu II talab skuża għal dak li sarlu.



Imma taħseb li persuna gay għandha post fil-Knisja?

L-attività li se norganizzaw illum qegħdin norganizzawha mad-Drachma li hija għaqda ta’ persuni gay li huma wkoll Kattoliċi. Għal min jixtieq ikun parti minn reliġjon jew twemmin fl-aħħar mill-aħħar naħseb li huwa possibbli.



Ma tagħmilx differenza bejn twemmin nisrani u l-Knisja Kattolika?

Wieħed jista’ jemmen f’Alla imma mhux neċessarjament ikun membru tal-Knisja. It-twemmin imur lil hinn milli wieħed ikun imsieħeb f’reliġjon jew oħra.



Minbarra l-attività tal-lum, madwar id-dinja tibqa’ magħrufa l-iktar l-Gay Prides? Taħseb li l-mod kif ċertu gays jaġixxu waqt attività bħal din qiegħda titfa iktar dell negattiv fuq l-istess gays?

Jista’ jkun li tiġri. Dawk il-persuni forsi jkunu qegħdin jesprimu b’ċertu mod il-‘flamboyance’ tagħhom f’dik il-ġurnata. Imma jekk ikollok ftit persuni lebsin qishom il-karnival tal-Brażil il-media se tiffoka fuqhom u allura l-eluf l-oħrajn ta’ attivisti li jkunu hemm lebsin normali mhux se jattiraw l-attenzjoni tal-media.

Għax ħafna drabi l-media tfittex xi ħaġa sensazzjonalistika.

Imma ma naħsibx li għax ikunu ‘flamboyant’ fil-mod kif ikunu qegħdin jesprimu ruħhom qegħdin jagħmlu xi ħaġa ħażina.

Iktar ibeżżgħuni nies li meta jkun hemm il-Gay Pride jmorru biex iħebbu għall-persuni gay. Ftit tal-jiem ilu kien hemm il-Baltic Pride li jiġbor fih il-Litwanja, l-Estonja u l-Latvja.

Sar f’Vilnius, il-Litwanja, u kien hemm mat-300 parteċipanti fosthom wieħed minn Malta. Kien hemm ukoll mal-1,000 persuna jipprotestaw kontra l-gays u ruxxmata pulizija bejniethom.

Il-marċ sar wara ħafna snin u wara li ngħata permess mill-qrati tal-pajjiż għax qalu li jekk il-gays ma jitħallewx jimmarċjaw tkun qiegħed tmur kontra l-kostituzzjoni. Ma kienx hemm konfronti diretti għax il-pulizija żammew lil dawk kontra l-gays ’il bogħod. Imma kien hemm ħafna għajjat u nsulti. Dawk l-affarijiet li jbeżżgħuni mhux il-kulur u l-briju!



Kif tqabbel is-sitwazzjoni tal-gays f’Malta ma’ dawk barra? Meta ngħid barra mhux xi Iran imma l-Ewropa, per eżempju!

Jiddependi. Għandek Spanja u l-Isvezja mil-lat pożittiv u l-Kroazja u l-Moldova mil-lat negattiv. L-ewwel tnejn jagħtu ċ-ċans lill-gays jiżżewġu u bl-ebda mod ma jbatu minn diskriminazzjoni meta mqabbla ma’ koppja tas-sess oppost.

Kif nemmen li għandu jkun. L-istess ħaġa fl-Olanda, il-Belġju, in-Norveġja u l-Kanada. Bil-mod il-mod il-Portugall ikoll jidher li qiegħed jersaq lejhom.

U mbagħad għandek pajjiżi bħall-Kroazja, il-Moldova, il-Polonja u l-Ażerbajġan fejn anke l-fatt li jinġabru fit-triq għal marc simboliku hija ‘hassle’ kbira għax taf li se jiġru warajk in-Neo-Nazisti jew li se jitfugħlek l-affarijiet u taf li hemm riskju li tweġġa’.

Lil Malta npoġġiha x’imkien fin-nofs. Fortunatament l-attivitajiet tagħna bl-ebda mod m’huma mċappsa jew imħammġa minn xi nies li jridu jifqgħulna rasna b’xi flixkun tal-ħġieġ bħalma ġieli ġara barra!

Imma mbagħad ma ngawdux mill-istess drittijiet li nixtiequ. Il-fatt li nistgħu nagħmlu l-attività tal-lum hija xi ħaġa pożittiva ħafna … il-fatt li ma ngawdux minn ċertu drittijiet hija xi ħaġa inqas pożittiva li nixtiequ nkomplu naħdmu biex xi darba jkunu tagħna.



Liema drittijiet taraw l-ikar importanti? Barra ż-żwieġ ovvjament?

Iż-żwieġ hija d-destinazzjoni finali… il-‘final goal’. Nifhmu li dawn l-affarijiet ma jiġrux minn xejn għal kollox. Nixtiequ li jkun hemm xi forma ta’ rikonoxximent ta’ koppji tal-istess sess.

Per eżempju, permezz ta’ ‘civil partnership’ li jirrikonoxxi persuni tal-istess sess bħall-persuni tas-sess oppost. Għax nemmnu li r-relazzjoni ta’ koppja gay hija valida daqs dik ta’ koppja ‘straight’.

Nixtiequ wkoll li l-Kummissjoni dwar l-Ugwaljana f’pajjiżna tkun tista’ titkellem u taħdem fuq diskriminazzjoni fuq bażi ta’ orjentazzjoni sesswali għax s’issa tista’ taħdem fuq diskriminazzjoni fuq bażi ta’ sess, bejn l-irġiel u n-nisa, u r-razza.

Nemmnu wkoll li persuni transgender li jkollhom bżonn jagħmel l-operazzjoni biex jibdlu d-dehra tagħhom għandhom jiġu mgħejjuna mill-Istat bħalma jsir f’pajjiżi oħrajn.

Veru li Malta m’hawnx esperti li jagħmlu dawn l-operazzjonijiet imma f’każijiet oħra fejn m’hawnx esperti l-pazjenti jintbagħtu barra. Importanti li wieħed iżomm f’moħħu li persuna transgender tkun trid ‘alignment’ tal-emozzjonijiet tagħha mal-ġisem għax tħossha maqfula f’ġisimha stess.

U importanti ngħaddu l-messaġġ li l-operazzjoni li jridu jagħmlu mhux kapriċċ imma bżonn.

No comments:

Post a Comment