Sunday, 23 May 2010

L-Orizzont: L-omosesswalità mhix realtà ġdida

http://www.l-orizzont.com/news.asp?newsitemid=62909
19.5.10 minn Byron Camilleri, GWU Youths

Waqt il-Kunsill Ġe­nerali tal-Partit Naz­zjonalista laqatni kum­ment tal-kunsillier tal-PN fix-Xagħra Għawdex. Dr Kevin Cutajar kien irrappor­tat mill-midja li kkunsidra l-omosesswalità u qabbilha mal-imigrazzjoni u r-refuġjati bħala r-realtà ġdida ta’ paj­jiżna. Hu ġie rrapportat jgħid u jistieden lill-PN biex jindirizza dawn ir-realtajiet ġodda ta’ paj­jiż­na.

Tal-iskantament kif persuna li hu rappreżentant tal-poplu jemmen li dawn huma biss realtajiet ġodda għall-pajjiżna, u ma jirrealizzax li kien il-Partit Nazzjonalista stess li matul iż-żmien idde­ċieda li ma jagħti l-ebda rikonoxximent legali lil dawn il-persuni.

Ukoll, il-PN bil-membri Par­lamentari Ewropej tiegħu għan­du rekord negattiv ta’ voti meħudin fil-Parlament Ewropew li jirrigwardjaw id-drittijiet tal-persuni omosesswali, fejn l-MEPs Nazzjonalis­ti vvotaw kontra jew astjenew mill-vot dwar dawn id-drittijiet għal diversi drabi.

Li jiskantani hu, li kif mingħajr ebda mistħija ta’ xejn il-Partit Nazzjonalista jipprova jirrappreżenta lilu nnifsu bħala l-partit li jaċċetta lil kulħadd fi ħdanu, inkluż persuni omosesswali meta r-re­kord tagħhom fil-konfront tal-persuni omosesswali jitkellem waħdu. Wieħed ma jistax ma jfakkarx kif meta fis-snin 70, il-Partit Laburista taħt Dom Mintoff ippropona li att omosesswali bejn nies tal-is­tess sess, ma jibqax att kriminali, il-Partit Nazzjonalista ma kienx favur ta’ din il-proposta. Għaliex persuni omosesswali li jgħixu flimkien mhumiex rikonoxxuti mill-istat? Għal­iex għadna nqisu lil dawn il-persuni daqs li kieku qed jagħmlu xi ħaġa illegali li tmur kontra l-prassi tal-umanità, billi ma nagħtu l-ebda dritt ċivili lil dawn il-persuni? Dan żgur li mhux se jaffettwa lil ebda persuna oħ­rajn billi jinbidlilhom l-istatus ċivili tagħ­hom, iżda jaffettwa biss lill-persuni k­kon­ċernati li l-ħajja tagħ­hom tkun aktar faċ­li u jħossuhom parti mis-soċjetà.

Ħafna jaħsbu li persuna omosesswali ma tistax tadotta f’Malta. Il-liġi Maltija ssemmi li adozzjoni tista’ ssir jew bejn koppja miżżewġa jew inkella minn persuna ‘single’. Koppja miż­żewġa jistgħu jkunu biss raġel u mara, li jiġu meqjusin bħala l-missier u l-omm ta’ dan it-tifel jew tifla. Min-naħa l-oħra l-liġi ma tagħmilx distinzjoni bejn omosesswali u le, fil-każ ta’ persuna ‘single’ li tagħmel applikazzjoni biex taddotta. Hu l-bord tal-adozzjoni li jiddeċiedi dan.

Għalhekk, naħseb li wasal iż-żmien li l-persuni omosesswali ma jibqgħux jirreferu għalihom bħala xi realtà li waqgħet mis-sema fl-aħħar ftit snin. Billi jien m’hiniex omosesswali ma jfissirx li m’għandix inħalli l-persuni l-oħrajn jgħixu l-ħajja tagħhom kif jixtiequ huma, speċjalment meta dan mhu se jkollu l-ebda effett fuq il-bqija tas-soċjetà.

No comments:

Post a Comment