Sunday, 20 October 2013

L-Orizzont: Pressjoni fil-PN għal ‘free vote’ fil-Parlament dwar l-Unjoni ċivili

http://www.orizzont.com.mt/oldarticles/article111944.html
17.10.2013 minn Albert Gauci Cunningham

L-abbozz ta’ liġi ppreżentat mill-Gvern u li jipproponi Unjoni Ċivili għal koppji tal-istess sess, bid-dritti­jiet u d-dmirijiet kollha ugwali bħal żwieġ ċivili bejn koppja eterosesswali, jidher li ħasad mhux ftit lill-Partit Nazzjonalista, tant li sal-bieraħ, tlett ijiem wara li kien ippublikat l-abbozz, il-PN kien għadu l-uniku Partit f’Malta li ma kellux reazzjoni għal dak propost. Minn informazzjoni li għandu l-orizzont jidher li bħalissa qiegħda ssir pressjoni kbira, speċjalment minn kwartieri soċjalment kon­servattivi fi ħdan il-PN, biex il-Membri Parlamentari Nazzjonalisti jkollhom ‘free vote’ fil-Parlament meta dan l-istess abbozz jersaq għall-approvazzjoni tal-Kamra tar-Rappre­żentanti.

Intant minn sorsi informati sew jidher li bħalissa hemm diżgwid serju fi ħdan il-grupp Parlamentari Nazz­jonalista b’uħud ma jridux jafu bl-abbozz u huma riżolti li jivvotaw kontra bħall-Viċi-Kap Nazzjonalista Beppe Fenech Adami, George Pullicino u Carm Mifsud Bonnici, filwaqt li hemm oħrajn li huma favur bħal Claudette Buttigieg, Kirsty Debono u Mario Demarco. L-istess sorsi qalulna li hemm ukoll dawk id-deputati li huma kontra żżda li xorta jixtiequ jivvotaw favur biex il-PN “ma jidhirx ikrah jew li huwa kontra minoranza f’pajjiżna”. Jidher ukoll, skont is-sorsi tagħna, li bosta qegħdin juru l-għadab tagħhom fil-PN li ma kinux konsultati dwar dan l-abbozz ta’ liġi u li ma kinux ikkonsultati mill-Kunsill Konsultattiv li ħa ħsieb li jfassal din il-liġi.
S’issa l-Membri Parlamentari kollha tal-PN żammew fommhom sieket dwar id-diskussjoni interna li għaddej­ja fuq dan is-suġġett, għalkemm kie­nu bosta dawk li fi ħdan il-PN, jew anke fil-pubbliku, li wrew id-di­żapp­ro­vazzjoni tagħhom għall-abbozz imressaq. Fosthom hemm l-eks-De­pu­tat Nazzjonalista Michael Asciak li f’kummenti li ta’ lil inewsmalta.com għamilha ċara li hu ma jista’ jaqbel qatt ma’ xi forma ta’ żwieġ bejn koppji tal-istess sess għax “ma jista’ jkun hemm qatt ugwaljanza fil-funzjoni­jiet u l-forma tal-ġisem uman”, filwaqt li fakkar li l-għan taż-żwieġ huwa l-konċepiment tat-tfal.

L-eks-Deputat jgħid li l-problema hija waħda ta’ natura, għax iż-żwieġ dejjem kien għal tnejn b’fakultà sesswali differenti, filwaqt li sostna li m’hemm ebda diskriminazzjoni meta żewġt irġiel ikollhom il-faċilità li jrabbu t-tfal, iżda l-uniku diskriminazzjoni tin­ħoloq meta koppja eterosesswali ma jkollhomx jew ma jingħatawx il-faċilità li jkollhom it-tfal. 

Eks-deputat ieħor li wera d-diżapprovazzjoni tiegħu pubb­likament kien Edwin Vassallo, li f’kummenti li għadda fuq is-sit soċjali ta’ Facebook, qal “kieku kont fil-Parlament kont nivvota kontra din il-liġi” bir-raġuni ewlenija li jġib tkun li din il-liġi, li tagħti lill-koppji tal-is­tess sess id-dritt ta’ unjoni ċivili bid-drittijiet u dmirijiet kollha ugwali, hija “ingann”. 
 
Vassallo fisser li dan l-abbozz huwa ingann għax jagħti l-benefiċċji taż-żwieġ mingħajr ma jsejjaħ dan l-abbozz bħala żwieġ. “Kieku jien fil-Parlament nivvota kontra dan l-abbozz biex ma nkunx parti mill-ingann tal-Gvern ta’ Muscat u għax jien favur biss żwieġ bejn raġel u mara,” temm jgħid l-eks-Deputat Nazzjonalista.

L-attitudni tal-PN fil-kon­- f­ront ta’ kwistjonijiet LGBT mhux xi ħaġa li bdiet issa tant li Carm Mifsud Bonnici, meta kien għadu Ministru, kien qal li ma jaqbilx ma’ familji tal-istess sess għax dan imur kontra l-‘public policy’ ta’ Malta, xi ħaġa li qajmet reazzjoni negattiva ħafna mill-għaqdiet għad-drittijiet ta’ nies LGBT. Mument ieħor kien meta l-eks-Deputat Prim Ministru Tonio Borg kien wera’ l-oppożizzjoni tiegħu għall-protezzjoni ta’ koppji tal-istess sess waqt id-diskussjoni dwar il-liġi tal-kera meta kien qal il-famużi kliem “hekk jonqos issa” wara li l-Oppożizzjoni Laburista pproponiet li jkun hemm ħarsien għall-istess koppji.
Fl-2002 l-eks-kap tal-PN Lawrence Gonzi, li dak iż-żmien kien Ministru għall-Politika Soċ­jali, ma riedx idaħħal “l-orjentazzjoni sesswali” bħala proviżjoni kontra d-diskrimi­nazzjoni fuq il-post tax-xogħol fl-Att dwar l-Impjiegi u r-Re­lazzjonijiet Industrijali”. 

Il-Kap tal-PN preżenti, Simon Busuttil, meta kien għadu membru Parlamentari Ewro­pew ukoll kellu ‘track record’ ħażin fejn jidħlu kwistjonijiet LGBT, fil-fatt f’erba’ snin sħaħ, bejn l-2006 u l-2009, Busuttil dejjem astjena jew ivvota kont­ra riżoluzzjonijiet jew liġijiet li għandhom x’jaqsmu ma’ drittijiet u protezzjoni għal persuni LGBT. F’Jannar u f’Ġunju tal-2006 Simon Busuttil ivvota kontra u astjena, filwaqt li f’April tal-2007 l-istess Busuttil reġa’ astjena dwar riżoluzz­jo­nijiet tal-Parlament Ewropew li kienu jikundannaw l-omofobija, kif ukoll jagħmlu referenza ċara għall-omofobija kważi istituzzjonalizzata f’ċerti pajjiżi Ewropej dak iż-żmien. Fl-2006 Busuttil ivvota kontra ir-rapport Zdonoka filwaqt li astjena fuq ir-rapporti Lynne, Catania u Buitenweg li tressqu għall-vot, u li kollha jitkellmu u jħeġġu kontra l-vjolenza fuq nies LGBT, id-diskriminazzjoni u l-inugwaljanza.

No comments:

Post a Comment