Tuesday, 15 October 2013

L-Orizzont: L-introduzzjoni tal-Unjoni Ċivili - Pass ’il quddiem fil-qasam tad-drittijiet ċivili

http://www.orizzont.com.mt/FullArticle.php?ID1='Ahbarijiet'&ID2=111799
15.10.2013 minn John Pisani

Mil-lum il-Parlament se jiddiskuti t-Tieni Qari dwar l-abbozz ta’ liġi tal-Unjoni Ċivili fejn persuni LGBT se jkunu jistgħu jingħaqdu f’unjoni bid-drittijiet kollha li hemm fiż-żwiġijiet. Dan huwa l-punt tat-tluq u mhux fejn wasalna, qalet il-Ministru għad-Djalogu Soċjali, Affa­rijiet tal-Konsumatur u Libertajiet Ċivili Helena Dalli.
F’konferenza tal-aħbarijiet il-Ministru Dalli qalet li din il-liġi kienet wegħda elettorali tal-Partit Laburista u l-Gvern qed iressaq dan l-abbozz ta’ liġi kmieni fil-leġiżlatura biex jenfasizza l-impenn tiegħu li jipprovdi liġijiet li jirrispettaw id-diversità u jiggarantixxu l-ugwaljanza.

Helena Dalli fakkret f’wegħda oħra li wettaq dan il-Gvern, dik li jwaqqaf Kunsill Konsultattiv biex jagħti pariri lill-Gvern dwar materji li għandhom impatt fuq il-komunità LGBT. Dan il-kunsill twaqqaf fil-bidu nett tal-leġiżlatura u huwa kompost minn rappreżentanza tal-NGOs kollha li jaħdmu fil-qasam tad-drittijiet għall-persuni LGBT f’pajjiżna. Il-Ministru Dalli qalet li mhux biss waqqafna Kunsill Konsultattiv biex jagħtina l-pariri, iżda dan il-Kunsill kien hu li abbozza din il-liġi.

Il-Ministru Dalli tkellmet dwar il-bżonn ta’ din il-liġi u ddes­krivietha bħala kisba importanti fil-qasam tad-drittijiet ċivili f’pajjiżna.

Filwaqt li talbet għal kunsens politiku fuq din il-kwistjoni, Helena Dalli qalet li tixtieq tfakkar lill-politiċi kollha li huma għandhom id-dmir li jilleġiżlaw biex itejjbu l-ħajja tan-nies u jassiguraw li kulħadd ikun jista’ jgħix ħajja dinjituża.

Il-Ministru Dalli qalet li l-Gvern huwa kommess, u ilu jaħdem sa mill-ewwel jiem tiegħu biex ineħħi d-diskriminazzjoni li teżisti abbażi tal-orjentazzjoni sesswali. Il-liġi li qed titressaq mill-Gvern se tipprovdi biex min irid jidħol f’unjoni ċivili, ikollu l-istruttura legali biex jista’ jagħmel hekk.

L-Avukat Neil Falzon, li ħejja l-abbozz ta’ liġi flimkien mal-Kunsill Konsultattiv, qal li l-liġi tal-Unjoni Ċivili tati d-drittijiet kollha daqs koppja miżżewġa. Huwa żied jgħid li l-abbozz huwa sempliċi u kulma fih huwa tliet paġni. Huwa temm jgħid li dan huwa l-ewwel pass u li matul din il-leġiżlatura se jibqgħu jaħdmu biex għal-leġiżlatura li jmiss il-liġi minn Unjoni Ċivili ssir żwieġ.

Min-naħa tiegħu Cyrus Enge­rer qal li l-Kunsill Konsultattiv la żied u l-anqas naqqas mil-liġi eżistenti taż-żwieġ b’hekk koppja gay li tingħaqad f’unjoni ċivili se jkollha l-istess drittijiet. Huwa qal l-membri tal-kunsill ħadmu fuq dan l-abbozz fuq bażi volontarja u li huma qrib il-kommunità LGBT u għalhekk jafu eżatt il-ħtiġijiet tal-persuni LGBT.

Gaby Calleja wkoll kellha kliem ta’ tifħir għall-Prim Ministru Joseph Muscat għax li kieku ma kienx għalih ma kienux jaslu s’hawn. Hija fakkret kif tliet snin ilu Evarist Bartolo kien diġà beda l-proċess għal dan l-abbozz iżda baqa’ ma sar xejn mill-Gvern preċedenti.

Waqt l-istess konferenza tal-aħbarijiet ħareġ ukoll li koppja gay li tiżżewweġ f’pajjiż ieħor fejn huwa permessibli ż-żwieġ bejn koppji tal-istess sess u dawn jiġu Malta, ikunu aċċetta­ti bħala koppja miżżewġa u mhux biss magħqudin f’unjoni ċivili.

Fl-aħħarnett il-Ministru Dalli qalet li tittama li din il-liġi tgħaddi b’mod unanimu fil-Parlament fejn l-Oppożizzjoni taqbel ma’ dan l-abbozz. Hija qalet li tittamma wkoll li l-liġi tilħaq tgħaddi sa qabel tidba d-diskussjoni tal-baġit.

No comments:

Post a Comment