Department of Information (DOI), Government of Malta
DOI - Press Release (PR2251), 14.10.2013
L-INTRODUZZJONI TAL-LIĠI TAL-UNJONI ĊIVILI HUWA PASS IEĦOR ’IL QUDDIEM FIL-QASAM TAD-DRITTIJIET ĊIVILI F’PAJJIŻNA
Illum il-Gvern qed jippubblika l-abbozz ta’ ligi tal-Unjoni Civili. Dan ħabbritu l-Ministru Helena Dalli waqt konferenza tal-aħbarijiet dalgħodu.
Il-Ministru Dalli qalet li din il-liġi kienet wegħda elettorali tal-Partit Laburista u l-Gvern qed iressaq dan l-abbozz ta’ liġi kmieni fil-leġiżlatura biex jenfazizza l-impenn tiegħu li jipprovdi liġijiet li jirrispettaw id-diversità u jiggarantixxu l-ugwaljanza.
Dott. Dalli fakkret f’wegħda oħra li wettaq dan il-Gvern: dik li jwaqqaf Kunsill Konsultattiv sabiex jagħti pariri lill-Gvern dwar materji li għandhom impatt fuq il-komunità LGBT. Dan il-kunsill twaqqaf fil-bidu nett tal-leġiżlatura u huwa kompost minn rappreżentanza tal-NGOs kollha li jaħdmu fil-qasam tad-drittijiet għall-persuni LGBT f’pajjiżna. Il-Ministru Dalli qalet li “mhux biss waqqafna Kunsill Konsultattiv sabiex jagħtina l-pariri, iżda dan il-Kunsill kien hu li abbozza din il-liġi”. Il-Ministru qalet ukoll li l-NGOs kollha qed japprovaw il-kontenut.
Il-Ministru Dalli tkellmet dwar il-bżonn ta’ din il-liġi u ddeskrivietha bħala kisba importanti fil-qasam tad-drittijiet ċivili f’pajjiżna. Hi qalet li f’Marzu li għadda l-poplu Malti vvota għal soċjetà inklussiva u l-Gvern Laburista se jkun qed iħares id-drittijiet ta’ kulħadd.
Filwaqt li talbet għal kunsens politiku fuq din il-kwistjoni, Dott. Dalli qalet li tixtieq tfakkar lill-politiċi kollha li huma għandhom id-dmir li jilleġiżlaw biex itejjbu l-ħajja tan-nies u jassiguraw li kulħadd ikun jista’ jgħix ħajja dinjituża. Hi qalet li l-politiċi għandhom jilleġiżlaw skont ir-realtajiet li dejjem jevolvu fis-soċjetà.
Il-Ministru Dalli qalet li l-Gvern huwa kommess, u ilu jaħdem sa mill-ewwel jiem tiegħu biex ineħħi d-diskriminazzjoni li teżisti abbażi tal-orjentazzjoni sesswali.
Il-liġi li qed titressaq mill-Gvern se tipprovdi biex min irid jidħol f’unjoni ċivili, ikollu l-istruttura legali biex jista’ jagħmel hekk.
No comments:
Post a Comment