http://www.orizzont.com.mt/oldarticles/article90539.html
17.4.2012 minn Sammy Sammut
Waqt li llum qiegħed jitfakkar il-Jum Internazzjonali kontra l-Omofobija u t-Transfobija, bħal fi snin l-imgħoddija, f'Malta mhux biss ma ġiet organizzata l-ebda attività uffiċjali biex jitfakkar dan il-jum iżda kien ikkonfermat li matul is-sena li għaddiet il-Gvern Malti m'għamel xejn ħlief wegħdiet fiergħa biex ikunu tassew imħarsa d-drittijiet umani ta' persuni lesbjani, gay, bisesswali, transesswali jew intersesswali f'pajjiżna.
Ir-rapport annwali għas-sena 2011 li jirrevedi l-qagħda tad-drittijiet umani ta' persuni LGBTI fl-Ewropa kif ukoll dik magħrufa bħala l-Mappa tal-Qawsalla, li kienu varati minn ILGA-Europe fil-preżenza tal-Kummissarju tal-Intern Ewropew, Cecilia Malmstròm, jikkonfermaw li l-qagħda f'pajjiżna baqgħet l-istess, jekk ma marritx għall-agħar. Fil-fatt, minn massimu ta' 30 punt fejn tidħol l-ugwaljanza legali, Malta ma ngħatat l-ebda punt u bi ftit ma daħlitx fiż-żona negattiva fejn jidħlu d-drittijiet tal-bniedem f'dan ir-rigward.
Jintqal li minkejja każi ripetuti ta' diskorsi u reati motivati mill-mibegħda omofobika f'Malta, kulma kien hemm kien biss paroli min-naħa tal-Gvern Malti. Ir-rapport annwali jagħmel referenza għall-wegħda li saret mill-Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern f'Diċembru li għadda, li l-provedimenti tal-liġi fejn jidħlu reati ta' mibegħda kienu sejrin jibdew jinkludu wkoll dawk ibbażati fuq l-orjentazzjoni sesswali u l-identità tal-ġeneru, sal-lum baqa' kollox kif kien qabel.
Hekk ukoll ġara fejn jidħol id-dritt tal-ugwaljanza u non-diskriminazzjoni. Kien fis-sena 2010 li l-Ministru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali ta' dak iż-żmien, Dolores Cristina, kienet wegħdet li r-remit tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Promozzjoni tal-Ugwaljanza kellu jkun estiż biex jinkludi l-orjentazzjoni sesswali. Iżda minkejja dan iż-żmien kollu li għadda, ma seħħew l-ebda żviluppi f'dan ir-rigward.
L-istess rapport ta' ILGA-Europe jikxef ukoll il-fatt li fost is-siti li jifformaw parti mill-'Adult Content Government Internet Package', l-Aġenzija Maltija tat-Teknoloġija tal-Informatika (MITA) inkludiet ukoll dawk is-siti kollha li jaqgħu taħt il-kategorija LGBT biex b'hekk dawn ma jkunux disponibbli b'faċilità għal dak li jkun. ILGA-Europe tgħid li anke s-sit tagħha huwa klassifikat f'din il-kategorija bħal siti oħrajn li fl-isem ikollhom il-kliem LGBT, għalkemm issa s-sit tal-Malta Gay Right Movement (MGRM) m'għadux.
Saret ukoll referenza għall-kawża li Joanne Cassar kienet ressqet kontra l-Gvern Malti quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem wara li ma tħallietx tiżżewweġ sempliċiment għax hija persuna transesswali.
Ir-rapport jitkellem ukoll dwar id-diffikultajiet kbar li għadhom iħabbtu wiċċhom magħhom koppji ffurmati minn ċittadin Malti u ċittadin ta' pajjiż li ma jifformax parti mill-Unjoni Ewropea, għalkemm dawn ikunu miżżewġin jew f'relazzjoni stabbli. hawnhekk, ir-rapport jagħmel referenza għall-wegħda tal-Gvern Malti dwar il-liġi tal-koabitazzjoni li kellha tipprovdi ċerti drittijiet għal koppji tal-istess sess, iżda anke din il-wegħda baqgħet biss paroli għax sal-lum dan l-abbozz ta' liġi baqa' ma tpoġġiex fuq il-Mejda tal-Kamra tar-Rappreżentanti.
Intant, waqt il-preżentazzjoni tar-rapport annwali ta' ILGA-Europe, il-Kummissarju Malmstròm qalet li dak li seħħ f'dawn l-aħħar snin u li għadu sejjer sal-lum il-ġurnata "ibeżżgħani bil-kbir. Nisimgħu diskorsi omofobiċi u b'rapport ta' vjolenza kontra persuni LGBTI u nindunaw li qegħdin ngħixu f'soċjeta li mhix qiegħda qiegħda ssir aktar miftuħa u tolleranti. Anzi, għall-kuntrarju, sejrin fit-triq opposta"
Intant fl-okkażjoni tal-Jum Internazzjonali Kontra l-Omofobija u t-Transfobija, il-grupp DRACHMA flimkien mal-Grupp tal-Ġenituri DRACHMA, illum sejrin jogranizzaw Siegħa ta' Talb u Riflessjoni b'tifkira tal-vittmi tal-omofobija f'diversi nħawi tad-dinja, inkluż ukoll f'Malta.
L-attività se ssir fil-Kappella tal-Università ta' Malta, Tal-Qroqq u tibda fis-7.00 p.m., Kull min jixtieq jissieħeb jew isir jaf aktar dwar il-grupp DRACHMA jista' jċempel fuq in-numru 7944 2317 jew jibgħat e-mail fuq: drachmalgbt@gmail.com.
No comments:
Post a Comment