Thursday, 27 January 2011

It-Torċa: Il-persuna b'taħlita ta' raġel u mara fiha

23.1.2011

Adele Markham hija tfajla Ingliża ta' 31 sena li għaddiet minn trawma għax għal 28 sena kienet "imġiegħla" tgħix ta' raġel, mentri hija kienet tħoss li hi mara.

"Xejn speċjali", forsi qiegħed tgħid, "stejjer bħal dawn nisimgħu ta' sikwit". Imma l-każ tagħha huwa xi ftit uniku għax Adele twieldet b'ġeni (gene) żejjed li jagħmilha differenti mill-oħrajn. Gene huwa parti li xi ħaġa ħajja tiret minn ta' qabilha.

Il-ġenituri ġiegħluha taġixxi ta' tifel

Meta twieldet hija ngħatat l-isem Matthew peress li l-parti ġenitali kien dak ta' tifel. Il-ġenituri tagħha kienu kuntenti għax kellhom tifel wara żewġt ibniet.

Imma meta Matthew beda jikber, it-tabib tal-familja beda jinnota ċertu problemi fil-parti ġenitali. Il-ġenituri ħassewhom ixxukkjati meta għarrafhom li binhom ma kienx qiegħed jiżviluppa b'mod normali.

"It-tabib qal lil missieri u ommi li kien se jkolli bżonn ta' operazzjoni meta nikber. Imma huma ma kinux jafu x'ikkawża d-difett fija", issostni t-tfajla.

Adele tgħid li sa minn meta kienet tifel hija kienet tħossha u taġixxi ta' tifla. Kienet tieħu gost tilgħab mal-bniet u minħabba f'hekk il-ġenituri kienu jikkastigawha.

"Il-ġenituri ma riedux jafu. Ma kien hemm ebda raġuni li jaħsbu li ma kontx tifel. Missieri kien jaħsibha b'mod tradizzjonali u kien jistenna li naġixxi bħas-subien u nilgħab il-futbol. Imma jien kont nippreferi nilgħab bil-pupi bħal ħuti".

L-iskola kienet toqgħod mal-bniet u kienet tobgħod l-Edukazzjoni Fiżika (PE) jew kwalunkwe ħaġa oħra fejn kellha tkun f'ambjent tas-subien.

"Ma' ħuti kont close ħafna. Kont neħdilhom il-ħwejjeġ u nilbishom. U missieri tgħidx kemm kien irrabja meta sar jaf b'dan".

Meta għalqet 14-il sena hija kienet għadha ma żviluppatx kif normalment jagħmlu s-subien ta' dik l-età u l-ġenituri ħaduha għand speċjalista biex jaraw kif setgħu jagħmlu lil Adele iktar maskili.

It-tobba qalulhom li jekk jieħu t-testosterone kien se jiżviluppa f'raġel. Kien għalhekk li, fuq ordni tat-tabib, Adele bdiet tingħata pillola kuljum biex tinbidel f'raġel anke jekk kienet imwerwra li se ssir hekk.

Wara ftit tax-xhur Adele bdiet dieħla fil-fażi tal-pubertà. Imma minflok ġisimha beda jieħu x-xejra ta' wieħed maskili beda jinbidel iktar f'dak femminili u minflok pil beda jikber sidirha.

"Ma nafx x'inhi pubertà maskili u dan kompla jsaħħaħli fehmti li jien kont destinata li nkun tfajla".

It-tfajla bdiet tmur għand counseller biex taqsam magħha dak li kienet qiegħda tħoss minn ġewwa għax mill-familja ma kinitx qiegħda ssib għajnuna.

Hija kienet riferuta għal klinika li tgħin persuni li jkollhom problemi dwar is-sesswalità tagħhom, għax ħasbu li bħal ċertu rġiel kienet tħossha mara.

"Spiċċajt kelli diversi infezzjonijiet. Imma ħadd ma qalli biex nagħmel test ġenetiku biex nara kienx hemm xi ħaġa ħażina fija", iżżid tgħid waqt li ssostni li bdiet twaħħal fiha nnifisha għall-problema.

Ta' 16-il sena qaxxret xagħarha u marret Londra fejn bdiet tagħmilha ma' ġuvintur u rġiel gay. Madanakollu xorta ma ħassitx li postha kien hemm.

"Kont konfuża ħafna. Ma ħassejtnix li posti mal-gays, imma fl-istess ħin kont inħossni attirata lejn l-irġiel. Imma xorta ddeċidejt li nipprova ngħix bħala żagħżugħ gay".

Adele bdiet tqatta' diversi sigħat fil-gym biex tibni lilha nnifisha u għamlet tattoo fuq kull id biex tidher iktar maskili. Imma ta' 28 sena rabbiet il-kuraġġ u ddeċidiet li ma tibqax tgħix gidba, imma tmur tara tabib u tgħidlu kif kienet qiegħda tħossha.

"Kien veru dħuli. Spjegali kif matul is-snin saru avvanzi kbar kif wieħed jifhem l-identità sesswali tal-bniedem. U għamilli diversi testijiet biex jara jekk verament kellix nibdel id-dehra tiegħi".

Ġimgħa wara Adele ċemplet lit-tabib biex tara r-riżultat u hemmhekk ħadet dak li tfisser bħala "xokk". It-tabib spjegalha li hija kellha dak li jissejjaħ Klinefelter's syndrome … fi kliem ieħor hija la kienet raġel u lanqas mara imma taħlita ta' tnejn.

F'diskors sempliċi, waqt li persuna tas-sess femminil ikollha dak li jissejjaħ XX chromosone u dik tas-sess maskil XY chromosone, il-persuni li jkollhom il-Klinefelter's syndrome ikollhom XXY chromosones.

Fil-bnedmin din il-kundizzjoni hija l-iktar waħda komuni fil-persuni li jkollhom diżordni fil-kromozoni sesswali tagħhom. Il-kundizzjoni tinstab f'raġel minn kull 1,000 waqt li raġel minn kull 500 jkollu X chromosone żejjed, imma ma jkollux il-kundizzjoni. Hemm mammali oħra li wkoll għandhom dan is-sindromu fosthom il-ġrieden.

L-effetti ta' dan is-sindromu jinkludu testikoli żgħar u nuqqas ta' fertilità. F'madwar terz tal-każi, r-raġel jinduna li sidru jkun kiber iktar min-normal u dan jista' jwassal biex l-individwu jħossu konxju u mistħi minħabba dan. Fil-fatt ikun hemm min jagħmel operazzjoni biex iċekken sidru.

Fl-istess waqt fil-parti l-kbira ftit ikunu s-subien u l-irġiel li juru sintomi tas-sindromu li ssemma għal Dr Harry Klinefelter li fisser l-kundizzjoni lura għall-1942.

Min-naħa tagħha Adele qalet li bl-aħbar mhux biss kienet ixxukkjata, imma anke eċċitata u mbeżża' fl-istess ħin.

"Matul ħajti kollha qaluli li l-mod kif kont inħossni kien ħażin u li kienet xi ħaġa li għandi nistħi minnha. Imma fi ftit minuti t-tabib spjegali li kien OK li nħossni hekk".

Hija bdiet tieħu l-oestrogen u issa se tagħmel operazzjoni biex tbiddel kompletament id-dehra tagħha. Imma hija ma ħasbitx biss fiha u waqqfet is-Silverfish, proġett li jgħin persuni bħalha li ma jkollhomx dar u dawk li jkollhom problema ta' droga.

"Sa fl-aħħar sirt naf min jien"

Ix-xewqa tagħha hija li sa fl-aħħar tgħix ħajja normali kif tixtieq hi u mhux kif iridha ħaddieħor. Fosthom il-ġenituri tagħha stess.

"Jien tfajla normali. Kulma rrid huwa li nissetilja f'ħajti u xi darba niżżewweġ. Iġġelidt għal 20 sena biex inkun mara… u sa fl-aħħar naf min verament jien".

No comments:

Post a Comment