Tuesday, 18 January 2011

It-Torċa: Abbużi sesswali fil-ħabs?

16.1.2011

Telefonata fuq programm tar-radju, minn żagħżugħ li għamel perjodu l-ħabs, tefgħet mistoqsija kbira dwar x’inhu għaddej f’din l-istituzzjoni. Dan hekk kif dan iż-żagħżugħ, fost diversi allegazzjonijiet li għamel, allega li hemm priġunieri li qegħdin ikunu abbużati sesswalment mill-gwardjani tal-ħabs. U dan biex ikunu jistgħu jiddubbaw sigarett!

Fost dawk li allegatament hemm isofru minn dan l-abbuż sesswali hemm saħansitra priġunieri li huma minorenni.

Fil-programm ‘It-3 ma’ Fr Colin’, fuq One Radio, iż-żagħżugħ – li għandu madwar 20 sena – irakkonta, waqt telefonata, l-esperjenza tiegħu tal-ħabs, fejn huwa dam sentejn jiskonta s-sentenza tiegħu.

Huwa semma d-droga li hemm tiċċirkola fil-ħabs, tant li stqarr li “huwa aktar faċli li ssib id-droga fil-ħabs milli barra”. Dan iż-żagħżugħ allega li qabel ma tkun se ssir xi tiftixa għad-droga fost il-priġunieri, ikun hemm min – minn ġewwa stess – javżahom bil-quddiem li jkun se jsir it-tiftix. “Ovvja li qatt mhu se jsibu d-droga fil-ħabs,” kompla dan iż-żagħżugħ.

Kien imbagħad li ż-żagħżugħ allega li jaf b’persuna minorenni li tkun imġegħila ssofri minn abbuż sesswali mill-gwardjan biex jingħata sigarett.

Waqt il-programm, b’reaz-zjoni għal dak li kien qed jgħid dan iż-żgħażugħ, il-preżentatur Fr Colin Apap talab li ssir inkjesta fil-ħabs dwar dawn l-allegazzjonijiet. Minkejja li l-programm ixxandar it-Tlieta, sa qabel morna għall-pubblikazzjoni baqa’ ma nstema’ xejn dwar dan. It-TORĊA ppruvat tagħmel kuntatt mal-awtori-tajiet tal-ħabs fis-sigħat li għaddew, iżda l-isforzi tagħna ma kellhomx riżultat. Madankollu, ikkuntattjat mit-TORĊA, Fr Colin Apap għarrafna li fil-programm ta’ nhar it-Tlieta li ġejjin aċċetta li jattendi d-Direttur tal-Ħabs, li talab ukoll rekording tal-programm ta’ din il-ġimgħa biex ikun jista’ jwieġeb għall-allegazzjonijiet li saru.

No comments:

Post a Comment