Friday, 1 August 2008

L-Orizzont: Dibattitu dwar id-divorzju

http://www.l-orizzont.com/news.asp?newsitemid=46253
minn Lino Debono, eks-Deputat Parlamentari Laburista, 1.8.8

L-istat ma jistax jibqa‘ jagħmilha ta‘ l-għami, mutu u trux għall-problema dejjem tikber ta‘ koppji mifrudin miż-żwieġ li qegħdin jerġgħu jibnu ħajja ġdida ma’ persuna oħra.

L-istat daqstant ieħor ma jistax ikompli jinjora li f’pajjiżna 25% tat-trabi qegħdin jitwieldu barra miż-żwieġ.

L-istat lanqas ma jista’ jwarrab l-għarukaża li tfal barra miż-żwieġ kienu sa ftit xhur ilu jiġu rreġistrati bħala “illeġittimi”. It-tfal huma dejjem innoċenti.

L-istat huwa fi dmir li jilleġisla s-separazzjoni bejn setgħat ta’ stat mill-Knisja.

Amministrazzjoni ta’ stat għandha u hija fi dmir li tilleġisla liġijiet ċivili għaċ-ċittadini tagħha u l-Knisja għandha d-dmir ukoll li tamministra l-ħwejjeġ spiritwali. Żewġ affarijiet distinti u separati minn xulxin.

Fil-preżent l-istat jirrikonoxxi żwiġijiet ċivili li jsiru barra minn Malta, kif ukoll id-divorzju akkwistat u maħruġ f’pajjiżi oħrajn. L-istat kien ukoll preċedentament issepara l-istat ċivili minn dak reliġjuż billi kien daħħal uffiċjalment iż-żwieġ ċivili. Kienet propjru l-amministrazzjoni preżenti li reġgħet bidlet kollox u rritornat din il-funzjoni f’idejn il-Knisja.

Dan kien żball. Fil-pajjiż, fil-preżent, biex tinħall miż-żwieġ trid tieħu l-annullament mingħand il-Kurja. Dewmien u telf ta’ żmien, apparti li anke dan il-mezz meta persuna jirnexxielha tieħdu, (f’ċerti każi jista‘ jseħħ li parti tieħu l-annullament u l-parti l-oħra le), dan ukoll joħloq ambigwità.

Il-Kurja tidħol biss fl-annullamenti taż-żwieġ, però tħalli barra l-essenzjalità ta‘ prinċipju fuq manteniment, abitazzjoni, qsim ta‘ proprjetà, eċċ. Il-Qorti trid tkun biex jiġu kkonsidrati dawn il-ħwejjeġ. Nifhem li l-Knisja trid tara familji magħqudin, kif madanakollu jixtieq kulħadd. Però kif jista’ jseħħ dan meta l-instrument legali biex isseħħ dan ma jeżistix?

Fil-passat riċenti kien jingħad li l-familji Maltin kienu sodi fiż-żwieġ u l-fidi tagħhom. Kollox possibbli. Possibbiltà wkoll kien il-fatt li kważi kulħadd kien jagħlaq għajnejh għat-tbatija u l-iskjavitù li kienu jgħaddu matul ħajjithom ċerti nisa u tfal mid-dominju totali ta‘ żewġhom/missierhom.

F’każijiet rari kienu l-irġiel li jbatu wkoll. L-irġiel, sal-bidu tas-sebgħinijiet, kienu huma biss li jmorru jaħdmu u jaqilgħu l-flus. In-nisa li wara l-gwerra xi ftit jew wisq bdew jaħdmu, meta jiżżewgu kien ikollhom bil-fors jitilqu mix-xogħol. Għalhekk l-indipendenza finanzjarju tan-nisa kienet tintemm ħesrem.

Diversi nisa kienu jgħaddu ħajjithom bħala lsiera jekk isibu s-sieħeb ta’ karattru ħażin. X’għamlu? Jitilqu? Isibu sieħeb ġdid? Jekk jitilqu mid-dar ma kienx ikollhom biex jieklu u jekk isibu sieħeb ġdid kienu jiġu oskurati minn kulħadd.

Min-naħa l-oħra kien hemm ħafna okkażjonijiet fejn ir-raġel isiefer, jibgħat għall-mara, u din ma tmurx ħdejh jew għax iġġib skuża li trid tieħu ħsieb lill- ġenituri, jew parantela, eċċ. Kemm kien hawn minn dawn li għalkemm iż-żwieġ ma ġiex imħassar uffiċjalment b’xi karta, l-irġiel bnew familji oħra għalihom fil-pajjiż li kienu fih.

Il-poplu kien jaf b’dawn il-ħwejjeġ, iżda ħlief għal xi vuċi ’l hawn u ’l hemm, għad ma kienx hemm dik ir-rieda politika li jaqbdu l-barri minn qrunu biex jieħdu ħsieb din l-anomalija kruċjali. Il-voti kienu u għadhom jiġu qabel il-prinċipji.

Il-Knisja tixtieq u trid li l-familja Maltija tkun magħquda fiż-żwieġ. Temmen li fl-għaqda matrimonjali hemm il-valuri Nsara. Però kif jista’ jsir dan meta ma jeżistix il-makkinarju li jsir dan? Fil-pajjiż hawn mijiet jekk mhux eluf ta‘ kopji li qegħdin jgħixu flimkien barra miż-żwieġ. Biss, biss, dak li diġà għidt, li 25% tat-tfal qegħdin jitwieldu barra miż-żwieġ mhix ħaġa taċ-ċajt.

Daqs kemm mhix taċ-ċajt li dawk it-tfal li twieldu barra miż-żwieġ, sa ftit xhur ilu, għalkemm ir-reġistratur jingħata l-isem tal-missier, xorta jirreġistra t-tarbija bħala waħda “illeġittima”. Ċertifikat li t-tarbija tibqa‘ ġġorru għal għomorha. Ara miskina x’tort ikollha din it-tarbija biex tibqa‘ magħrufa fiċ-ċertifikat tat-twelid bħala “bgħala”.

Kien kuraġġjuż il-pass li ħa l-Mexxej Laburista, Joseph Muscat, meta qal li huwa għad iressaq il-kwistjoni għal dibattitu dwar id-divorzju fil-Parlament. Daqstant ieħor wieħed irid japprezza dak li qal il-Ministru John Dalli, li anke huwa se jmexxi ’l quddiem il-kwistjoni dwar id-divorzju. Ma’ dawn wieħed ukoll irid jgħid li din il-kwistjoni ilha tiġi msemmija minn diversi sezzjonijiet tas-soċjetà u anke minn individwi. Allura meta hawn ċerta qbil fil-prinċipju li għandha ssir xi ħaġa, għaliex m’għandhiex issir issa u mhux nistennew ħames snin oħra?

1 comment:

  1. Dan il-Laburista Ghawdxi hemm bzonn jifhem li Joseph Muscat mhux ser jikkommetti ruhi li jgib bidla qabel ta' l-anqas hames snin ohra. Facli wiehed joqghod ighid "la nkun fil-gvern, imbaghad naghjti l-free vote"
    Allura li qieghed fil-parlament mhux bizzejjed biex almenu jressaq mozzjoni?
    Mela siehbi l-Ghawdxi irid jistenna ta' l-anqas 5 snin ohra (jekk mhux aktar).

    ReplyDelete