Saturday, 2 August 2008

UĦM: It-Transesswali u s-suq tax-xogħol

http://www.uhm.org.mt/article_item.aspx?id=82190
2.8.8; minn Dr. Romina Bartolo

Dan is-suġġett hu wieħed pjuttost ġdid għal pajjiżna. Hawn ħafna nuqqas ta’ informazzjoni dwar dan is-suġġett u għalhekk hu faċli li wieħed iħawwad ħaġa ma’ oħra u forsi jifformula opinjonijiet f’moħħu li mhux neċessarjament ikunu bbażati fuq il-fatti. Kien għalhekk li l-Malta Gay Rigħts Movement applikat għal proġett kofinanzjat mil-Fond Soċjali Ewropew sabiex issir riċerka biex fuqha tkun tista’ tittieħed xi tip ta’ azzjoni biex tirrimedja sitwazzjoni li tidher li tipprevali f’pajjiżna.

Waqt seminar li l-għan tiegħu kien li jixxandru r-riżultati ta’ din ir-riċerka, ħareġ ċar li persuni transesswali f’Malta, jiffaċċjaw diversi problemi, kemm meta jkunu qed ifittxu x-xogħol kif ukoll fuq il-post tax-xogħol. Fil-fatt ħafna minn dawn il-persuni jidher li jaħdmu għal rashom.
Il-ħajja mhiex faċli għal dawn in-nies. Persuna li minn eta’ ċkejkna tħoss li hemm xi ħaġa ħażina fiha u li l-ġisem tagħha tistkerhu u sa minn meta tiftakar tħares lejha nnifisha u tixtieq tinbidel bioloġikament, tgħaddi minn mumenti diffiċli. L-istudju wera li l-familja stess tgħaddi minn xokk meta ffaċċjata bil-verita’ u ċioe’ li dak li dejjem qieset bħala binha jew bintha, ser jibdlu s-sess tagħhom u għalhekk ser jitilfu t-tifel jew tifla tagħhom.

Ħafna drabi, l-iskola tipprovdi ambjent ostili għal dawn in-nies li jiġu insultati u mweġġa b’kull mod possibbli minn sħabhom u xi kultant anke mill-għalliema tagħhom. Għalhekk wieħed ma jkunx sorpriż jiskopri mir-riżultati tar-riċerka li f’Malta ma jidhirx li persuna transesswali qatt kompliet f’livell post-sekondarju jew terzjarju.

Parti minn dan il-proġett kien jikkonsisti f’intervisti lil numru ta’ “employers”. Ir-riżultati jagħtu wieħed x’jifhem li sakemm persuna transesswali fix-xogħol tagħha ma jkolliex kuntatt mal-klijenti tal-kumpanija, m’hemmx problemi. Pero’, ħafna minn dawn insistew li l-klijenti jkunu mgerrxa jekk xi ħaddiem tal-kumpanija jiġi moqdi minn persuna simili. Barra minn hekk, jekk din il-persuna transesswali tkun fl-istadju li tagħmel l-operazzjoni hekk imsejħa “gender reassignment surgery”, ċertu “employers” jinsistu li l-persuna tibqa tilbes bl-istess mod anke wara l-operazzjoni.

Din l-operazzjoni mhiex waħda faċli u hija rriversibbli. Intopp ieħor li jinqala fuq il-post tax-xogħol hu dak dwar il-leave sabiex tkun tista’ ssir din l-operazzjoni. Dan hu proċess twil li jista’ jieħu numru ta’ ġimgħat peress li jridu jsiru diversi interventi. Xi wħud mill-“employers” qalu li jista’ jittieħed bħala “sick leave” u oħrajn bħala “vacation leave”. Oħrajn qalu li jistgħu jittieħdu kemm “vacation” kif ukoll “sick leave” flimkien. Ftit kienu dawk li jaċċettaw li jagħtu l-leave mingħajr ħlas.

Meta titkellem ma dawn in-nies, tinduna li dak li ħafna minnha nieħduh “for granted”, għalihom huwa diffiċli hafna. It-transesswaliżmu huwa kkunsidrat bhala marda psikologika u dan jagħmilha aktar diffiċli għal dawn in-nies li jgħixu hajja ċivili bhal kulħadd.

Ħareġ ċar minn dan is-seminar li hu importanti li jkun hawn aktar informazzjoni għax b’hekk biss tista’ b’xi mod tnaqqas mid-diskriminazzjoni li dawn in-nies jiffaċċjaw fuq il-post tax-xogħol u fil-ħajja ta’ kuljum. Wieħed irid jagħtihom opportunita’ li jipparteċipaw fis-soċjeta’ u fid-dinja tax-xogħol bħal persuni ohra. B’hekk biss inkunu nistgħu ngħidu li aħna soċjeta’ inklussiva.

No comments:

Post a Comment