http://www.it-torca.com/news.asp?newsitemid=7402
31.8.8
Omelija li l-Isqof t' Għawdex, Mons Mario Grech, għamel nhar l-20 ta' Awwissu fl-okkażjoni tas-Sena Pawlina, qajmet kontroversja b'mod speċjali mal-komunità omosesswali f'pajjiżna. Din l-omelija tqieset bħala waħda offensiva u ġabet ir-rabja fost bosta għax anke tinstiga lill-mexxejja politiċi tal-pajjiż biex jilleġiżlaw skond il-fehma tal-Knisja.
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof t'Għawdex
Fl-omelija tiegħu, Grech jikkwota mill-kitbiet ta’ San Pawl dwar il-libertà umana. Huwa jikkwota wkoll dawk li San Pawl isejjaħ bħala “limitazzjonijiet tal-libertà umana” u jgħid li dawn għadhom “attwali għalina”. Meta jitkellem dwar is-sesswalità huwa jsemmi “iż-żina (li għall-Knisja jinkludi persuni f’konkubinaġġ jew separati li jgħixu ma’ ħaddieħor), l-adulterju u l-omosesswalità”, kif ukoll isemmi “l-ħsara li jagħmlu l-ambizzjoni, il-firda u l-partiti”. L-Isqof Grech temm l-omelija tiegħu bil-kliem “Nawgura li fid-dawl tat-tagħlim ta’ Pawlu, ġensna li jiftaħar tant b’San Pawl, jagħraf liema huma l-vera libertajiet u jassiguraho anke b’liġijiet proprji.”
Dan ta’ l-aħħar kien interpretat minn bosta, b’mod speċjali attivisti omosesswali u anke persuni separati, bħala indħil mhux mixtieq fil-ħidma ta’ l-Istat li, bħala stat lajk, għandu l-obbligu li jiggarantixxi d-drittijiet ċivili anke lil persuni li mhux neċessarjament jgħixu fil-parametri stabbiliti mill-Knisja. Huma jsostnu li l-Istat għandu l-obbligu li jara li ċ-ċittadini tiegħu jgħixu ħajja “tajba”, f’sens ta’ komunità, u m’għandhomx ikunu diskriminati għax l-għajxien tagħhom ma jaqbilx mad-duttrina tal-Knisja.
Dwar dan, mill-Awstralja, l-avukat Malti Joseph Chetcuti, li kemm-il darba semma’ leħnu dwar id-drittijiet ta’ l-omosesswali, fi stqarrija sostna li ħadd m’għandu d-dritt jindaħal lill-persuni kif għandhom jgħixu ħajjithom fil-kamra tas-sodda tagħhom. Chetcuti jsostni li fl-omelija tiegħu, Grech jonqos milli jagħraf li l-kitba ta’ San Pawl saret fi żminijiet u ċirkostanzi soċjali differenti minn tal-lum, fejn fost affarijiet oħra kienu għadhom ma sarux ċerti żviluppi xjentifiċi li nafu bihom illum. Huwa jsostni li jekk Mons Grech “irid jevanġelizza, il-priedka li jmiss għandu jagħmilha dwar il-pedofilija, b’mod partikolari fost il-kleru Kattoliku fid-djoċesi tiegħu stess, u kif dan l-abbuż kisser tant familji.”
Fl-istqarrija tiegħu, Chetcuti jsemmi wkoll li l-katekiżmu tal-Knisja jagħmel distinzjoni bejn l-omosesswalità u l-atti omosesswali, għax filwaqt li jsejjaħ bħala “kontra n-natura” dawk ta’ l-aħħar ma jikkundannax il-kundizzjoni ta’ l-omosesswalità. Mons Grech, jgħid Chetcuti, neħħa din id-distinzjoni minkejja li numru kbir ta’ persuni omosesswali ma jieħdux sehem f’atti omosesswali. Huwa jinsisti wkoll li l-Isqof Grech naqas milli jagħraf li relazzjonijiet omosesswali huma fuq kollox relazzjonijiet ta’ mħabba u rispett.
Tista' taqra wkoll l-omelija kollha: http://patrickattard.blogspot.com/2008/08/il-vera-liberta-minn-mon-mario-grech.html
No comments:
Post a Comment